Supporters tat-timijiet ta’ Newcastle United, Aston Villa, u West Ham United għandhom okkażjoni unika biex jiltaqgħu ma’ Nolberto Solano, imwieled il-Peru’ u magħruf ukoll bħala Nobby Solano. F’Malta, hu se jagħmel taħdita nhar l-Erbgħa 25 ta’ Lulju fit-18:00 sa l-20:00, inkluż riċeviment fil-Hilltop Gardens, in-Naxxar.
Dan l-avveniment ta’ ġbir ta’ fondi għal LifeCycle (Malta) Foundation hu organizzat minn Betsson Group.
LifeCycle Foundation, permezz tal-isfida annwali tagħha, msemmija Foster Clark LifeCycle Challenge 2018, qed tiġbor fondi biex toffri għajnuna u kura lill-persuni li jbatu minn mard tal-kliewi.
Bħala plejer professjonali u ex-maniġer tal-Primera Division club “Universitario de Deportes”, tal-Peru’, Nobby qatta’ ħafna mill-karriera tiegħu jilgħab fil-Premier League Ingliż, fosthom ma’ Newcastle United, Aston Villa, u West Ham United kif ukoll ma’ Boca Juniors. Matul l-ewwel staġun tiegħu ma’ Newcastle, kellu l-okkażjoni li jkun fil-Finali tal-FA Cup tal-1999.
Illum, Nolberto Solano hu ukoll brand ambassador ta’ Betsson Group fl-Amerka Latina.
Apparti mill-futbol, Nolberto Solano hu ukoll mużiċist u saħansitra waqqaf il-band tas-Salsa tiegħu bl-isem The Geordie Latinos.
Dawk li jixtiequ jattendu nhar l-Erbgħa huma ġentilment mitluba jibbukkjaw minn qabel billi jċemplu lill-LifeCycle (Malta) Foundation fuq 7990 3961. Id-dħul se jkun b’donazzjoni ta’ €25 kull persuna li se tmur għal LifeCycle Foundation. Wara t-taħdita, ikun hemm reċiviment fejn il-mistednin jiltaqgħu personalment ma’ dan il-personalita’ ta’ fama mondjali. www.lifecyclechallenge.com