L-eks Ministru Nazzjonalista, il-Perit Michael Falzon kompla jinnota n-nuqqas ta’ viżjoni u l-apatija li qed jiddominaw fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Huwa għamel dan f’artiklu fuq il-MaltaToday tal-Ħadd.
F’artiklu skjett, l-eks Ministru Nazzjonalista saħaq li l-Partit Nazzjonalista huwa konfuż anke fuq il-materji li jrid jiddiskuti biex jerġa’ jikseb il-popolarità tal-passat.
Kien hawn li rrefera wkoll għall-apatija kbira li qed tiddomina fid-Dar Ċentrali.
Dan hekk kif aċċenna għall-festa tal-Indipendenza u kif tul l-aħħar snin, l-attendenza għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista għal din il-festa, kienet fqira ħafna, meta qabel il-Partit Nazzjonalista kien rinomat li jorganizza sew u ħafna jattendu bi ħġarhom għall-festi tal-Indipendenza li kien jagħmel il-partit fuq il-fosos.
Il-Perit Falzon ma waqafx hawn hekk kif iddikjara li l-attendenza ta’ din is-sena se tkun agħar u mhux aħjar minn tal-aħħar snin.
Din l-apatija riċentament dehret ċara wkoll fl-elezzjoni għall-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif kważi terz tal-Kunsilliera tal-istess Partit, lanqas biss marru jivvutaw.
Dakinhar stess dehru wkoll biċ-ċar il-firdiet li għadhom jiddominaw fid-Dar Ċentrali, bl-eks Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo, jgħid li huwa twarrab mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u li ntqal lilu li tajjeb biss biex jiġbor il-flus.
Qal, “Weġġajt? Iva, ħafna wkoll. Ma kontx naf għalfejn u sal-lum ma nafx għalfejn twarrabt jiena wkoll. Jibqagħlek dik id-dieqa, dik it-togħma qarsa ta’ xi ħaġa li inti ħabbejt tant. Kont kapaċi niġbor il-flus biss jgħiduli.”
Fil-fatt, fl-istess artiklu, l-eks Ministru Nazzjonalista jagħmel aċċenn ukoll għal dan u saħaq li l-Oppożizzjoni ta’ pajjiżna tinsab f’biċċiet.
Intant, l-eks Ministru Nazzjonalista irrimarka għat-tmexxija dgħajfa ta’ Bernard Grech anke quddiem sfidi li affaċċja l-istess partit.
Fil-fatt, filwaqt li saħaq li l-Kap aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jiġi ineffettiv, irrefera wkoll għall-komunikattiva tal-istess Kap.
Hawn saħaq li bi kliemu, Bernard Grech, lanqas biss iqanqal l-aktar partitarji Nazzjonalisti leali, aħseb u ara dawk li jagħżlu jkunu indipendenti.