F’artiklu ta’ opinjoni ppubblikat fil-gazzetta Malta Today, l-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon akkuża lil Bernard Grech li qed jinganna lin-nies meta qed juża l-gwaj finanzjarji tal-partit biex jiddevja l-attenzjoni minn fuq in-nuqqasijiet politiċi tal-istess partit.
Michael Falzon ikkritika wkoll lil Grech ukoll talli, fi kliemu, qed jipprepara lill-partitarji nazzjonalisti għat-telfiet li ġejjin fl-elezzjonijiet li jmiss tal-kunsilli lokali u tal-Parlament Ewropew billi jneħħi r-responsabbiltà tat-telfa skunċertanti fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet minn fuq spallejh u jitfagħha fuq il-kapijiet ta’ qablu.
“Bil-mod kif ippreżentaha, m’hemm xejn ħażin bil-pożizzjonijet politiċi tal-Partit Nazzjonalista u l-problemi qegħdin fin-nuqqasijiet finanzjarji. Dan huwa qarrieq,” sostna l-eks Ministru Nazzjonalista dwar Bernard Grech.
Meta indirizza l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista meta fetaħ il-proċess għal-elezzjoni tal-Kap ftit jiem ilu, Bernard Grech għażel li jagħmel enfasi kbira fuq kemm għandu dejn il-partit, fi sforz biex jagħti l-impressjoni li r-raġuni ewlenija għaliex il-partit mar ħażin ħafna fl-elezzjoni li għaddiet ma kinitx in-nuqqasijiet tat-tmexxija tiegħu iżda s-sitwazzjoni finanzjarja li wiret mingħand ta’ qablu.
Osservaturi kkummentaw li Bernard Grech lagħab din il-karta sabiex ikun jista’ jżomm postu fis-siġġu tat-tmexxija tad-Dar Ċentrali, kemm billi jippreżenta lilu nnifsu bħala l-vittma tan-nuqqas ta’ mmaniġġjar serju tal-kapijiet ta’ qablu kif ukoll billi jgerrex lil min seta’ kellu xi interess li jtellaq miegħu.