L-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon spjega kif l-għeruq tal-Partit Nazzjonalista pattewha lill-establishment għal dak li għamlu lil Adrian Delia.
Falzon qal dan f’analiżi dwar l-aħħar telfa elettorali għall-Partit Nazzjonalista fil-gazzetta MaltaToday hekk kif irrimarka l-kampanja ħarxa tal-establishment kontra l-eks Kap Nazzjonalista biex jerġa’ jieħu f’idejh ir-riedni tal-Partit, b’Bernard Grech fit-tmun.
Madankollu Michael Falzon saħaq kif dan ma’ niżel xejn tajjeb mal-għeruq tal-Partit Nazzjonalista li kienu huma li għażlu lil Adrian Delia.
Falzon b’hekk tenna kif l-establishment Nazzjonalista mar kontra x-xewqa tal-għeruq tal-Partit Nazzjonalista.
L-eks Ministru Nazzjonalista kompla jgħid kif il-fatt li l-famużi Blue Heroes u l-establishment tal-Partit Nazzjonalista baqgħu qatt ma aċċettaw lil Adrian Delia bħala Kap, dan ħalla riperkussjonijiet koroh mal-għeruq tal-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif ingħatat il-ġenb id-deċiżjoni demokratika tagħhom fl-għażla tal-Kap.
Hawn Falzon fakkar ukoll fl-estremitajiet li seħħew fosthom li kontra l-Kostituzzjoni, dawn l-istess deputati marru għand il-President biex iqaċċtu lil Adrian Delia mit-tmun.
Fl-analiżi tiegħu, l-eks Ministru Nazzjonalista rrimarka wkoll li l-aġir ta’ għaqdiet mhux governattivi bħar-Repubblika, ma għenu xejn sabiex jikkonsolidaw u jqarrbu l-għeruq tal-Partit lura lejn id-Dar Ċentrali.
Dan speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-istess għaqda sabet appoġġ kbir mill-Blue Heroes.
Intant Michael Falzon ipponta subgħajh wkoll lejn Bernard Grech u l-ineffiċjenza tiegħu sabiex iqarreb lil dawk li tbegħdu minħabba l-kunflitti interni li ddominaw fl-aħħar ħames snin, lura lejn id-Dar Ċentrali.
Sinjal li Falzon jispjegah billi jgħid li Bernard Grech saħansitra injora lil dawk li tbegħdu mill-Partit Nazzjonalista.