Sitt snin wara li l-Partit Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi ħa waħda mill-ikbar telfiet elettorali fl-istorja politika ta’ pajjiżna, esponenti tal-istess partit għadhom qegħdin ifittxu f’min se jwaħħlu.
Fost dawn hemm Jason Azzopardi, eks Ministru li llum għadu fil-grupp parlamentari ta’ Adrian Delia.
Skont Jason Azzopardi, ir-raġuni għaliex il-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni ġenerali kien bniedem fiċ-ċivil bl-isem ta’ Alfred Camilleri.
Alfred Camilleri, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi, huwa ħaddiem fiċ-ċivil li serva taħt kull gvern u li kien fdat dejjem minħabba l-lealtà tiegħu lejn il-pajjiż.
Iżda, Jason Azzopardi qal li dan il-bniedem fdat minn Lawrence Gonzi u Tonio Fenech hu raġuni għat-telfa elettorali li ġarrbu wara li l-Ministri ħadu bil-moħbi żieda ta’ ħames mitt ewro kull wieħed.
“M’għandiex diffikultà niddikjara li d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tiegħu kienu waħda mir-raġunijiet għaliex tlifna l-elezzjoni tal-2013,” qal Jason Azzopardi f’kitba fuq facebook li ssorprendiet lil ħafna.
Iżda, Azzopardi mhux uniku. Miegħu qabel Mario Galea.
“Jien bhal Jason kont fil-Kabinett. Naqbel ma Jason mija fil-mija. Is-Sur Camilleri fi żmienha kien Mr No Man. Issa sar Mr Yes man,” qal Mario Galea, alleat kbir ta’ Adrian Delia li hu wkoll ħa €500 żieda fil-ġimgħa.
Ir-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista kien semma bosta raġunijiet għal dik it-telfa.
Fosthom iż-żieda fil-kontijiet tal-enerġija, l-użu ħażin taċ-ċentri tal-lokal, l-arroganza tal-Ministri u l-kitbiet ta’ nies bħal Daphne Caruana Galizia fost oħrajn.
Iżda, dan kollu għal Jason Azzopardi ma jgħoddx u fl-aħħar sigħat, minn imkien, ħareġ Azzopardi ħareġ jattakka lil Camilleri.
Jason Azzopardi u Mario Galea kienu wkoll protagonisti fl-2017 meta t-telfa saret ikbar. Iżda wara dik it-telfa l-Partit Nazzjonalista għażel li ma jagħmilx rapport tat-telfa’. F’min se jwaħħlu din id-darba?