Eks manager fit-Tarzna ta’ Malta rebaħ kumpens ta’ €30,000, tlettax–il sena wara li kien imkeċċi mit-tarzna b’mod diskriminatorju.
Id-deċiżjoni ngħatat mit-Tribunal Industrijali fil-każ li Lawrence Bilocca fetaħ kontra t-Tarzna ta’ Malta.
Issa l-gvern għandu tletin jum biex iħallas lil Bilocca, anke għax huwa kien l-uniku azzjonist tat-Tarzna.
Bilocca kien l-uniku manager li meta għalqu l-Malta Drydocks u l-Malta Shipbuilding, ma kienx trasferit għal Malta Shipyards Limited, anke jek kien ilu 28 sena jaħdem it-Tarzna.
Oħrajn, li kienu daħlu warajh u b’inqas esperjenza, kellhom l-impjieg tagħhom salvagwardjat. Bilocca, minflok, kien offrut impjieg il-Qorti li ma kellu x’jaqsam xejn mal-linja ta’ xogħol tiegħu.
Tul il-kawża, dawk li kienu jmexxu provaw jagħtu raġunijiet għaliex kien stmat differenti, iżda t-tribunal industrijali qal li Bilocca la qatt kien imwissi u lanqas kien hemm passi dixxiplinarji. Minkejja li hu ma ngħatax impjieg mal-kumpanija l-ġdida, din baqgħet timpjega managers ġodda u għalhekk kien imkeċċi b’mod inġust u diskriminatorju.