Il-Partit Nazzjonalista waqqaf lill-eks Kunsilliera Nazzjonalista ta’ Birkirkara u kandidata, Josianne Cardona Gatt, milli tikkontesta għall-kariga ta’ Viċi Kap Nazzjonalista, ftit tal-ġimgħat ilu.
Żvelat dan il-gazzetta MaltaToday, fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd.
Fil-fatt, f’artiklu fil-faċċata tagħha, ġie spjegat kif Cardona Gatt, ġabret formola mill-uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista li permezz tagħha setgħet titfa’ n-nominazzjoni tagħha b’mod uffiċjali.
B’hekk il-Partit Nazzjonalista kien ikollu jmur għal elezzjoni bejn żewġ persuni, b’Cardona Gatt u Alex Perici Calascione.
Madankollu l-MaltaToday tkompli tispjega kif Cardona Gatt ġiet mitkellma minn uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista, hi u d-dieħla fid-Dar Ċentrali sabiex titfa’ n-nomina tagħha għall-kariga ta’ Viċi Kap Nazzjonalista.
Skond l-istess gazzetta, dan l-istess uffiċjal ikkonvinċa lil Cardona Gatt ma titfax in-nomina tagħha wara li avżaha fuq is-sensittività ta’ din l-istess elezzjoni.
Il-MaltaToday tkompli tgħid kif l-intenzjoni ta’ Cardona Gatt milli titfa’ isimha għal kariga numru tnejn tal-Partit Nazzjonalista inżammet mistura mit-tmexxija tal-Partit. Dan anke sabiex Bernard Grech ikun jista’ jkollu lill-Alex Perici Calascione bħala Viċi Kap Nazzjonalista għas-snin li ġejjin.
B’rabta ma’ din l-istorja li tkompli tikkonferma l-intriċċi fil-Partit Nazzjonalista, sorsi fi ħdan id-Dar Ċentrali esprimew ir-rabja u d-diżappunt tagħhom għall-mod ta’ kif qed jitmexxew l-affarijiet ġewwa d-Dar Ċentrali.
Dan speċjalment ukoll wara li Bernard Grech nnifsu kien sostna li għal din il-kariga ta’ Viċi Kap Nazzjonalista, xtaq mara.
“Jekk ikun hemm Kap raġel fil-futur, ikun hemm deputat Kap mara, irrid nara lin-nisa fl-ogħla livelli tal-Partit.”
L-istess sorsi tennew kif kull ma jmur il-Kap attwali, Bernard Grech qed ikompli jikkonferma kemm il-kelma tiegħu ma tfisser xejn
Din mhux l-unika darba li nkixfu manuvri sfaċċati biex persuni partikolari jkollhom il-garanzija tal-poter fid-Dar Ċentrali.
L-istess jista’ jingħad għal Bernard Grech innifsu li qata’ qalb kull persuna li setgħet kellha interess tikkontesta għall-kariga ta’ Kap Nazzjonalista wara t-telfa tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Fil-fatt, l-ewwel dikjarazzjoni ta’ Grech b’reazzjoni għall-akbar telfa tal-Partit Nazzjonalista mill-Indipendenza lil hawn kienet li juri l-intenzjoni tiegħu li jibqa’ Kap Nazzjonalista.
“Se nibqa’ hemm, se nibqa’ nagħti s-servizz tiegħi, se nibqa’ nagħti ħilti kollha u għalhekk fil-ġimgħat li ġejjin jien se mmur quddiem l-istrutturi tal-Partit, biex nitlob mandat b’saħħtu, biex nibqa’ mmexxi lill-Partit Nazzjonalista biex flimkien noffru Gvern alternattiv fis-snin li ġejjin.”
Intant Grech kompli b’din il-kampanja ta’ qtugħ ta’ qalb biex jibqa’ ggranfat mas-siġġu tal-poter għal numru ta’ ġimgħat tant li anke saħansitra inqeda bil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista biex iżomm postu.
Dakinhar huwa weħħel kollox u f’kulħadd barra bih innifsu għall-problemi li għandu l-Partit Nazzjonalista.
“Il-problemi li għandna imorru lil hinn minn problema tat-tmexxija. Ma nistgħux taparsi nkunu qegħdin naħdmu flimkien imbgħad innawru. Tħallu lil ħadd ikompli jipprova jkisser minn ebda naħa.”