Eks kowċ li allegatament abbuża sesswalment minn tifla ta’ 15-il sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti t-Tnejn filgħaxija.
Isem l-akkużat, li llum huwa pensjonant, mhux qed jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex tkun protetta l-identità tat-tifla.
Fil-Qorti l-Ispettur John Spiteri qal li kienet l-Aġenzija Appoġġ li tefgħet dawl fuq il-każ wara li t-tifla jidher li fetħet qalbha dwar is-sitwazzjoni ma’ xi ħaddiema soċjali.
Jidher li t-tifla qalet li l-allegat abbuż kien ilu jseħħ sa xhur qabel ma sar rapport.
Fost oħrajn intqal kif ir-raġel allegatament kien jgħid lit-tifla biex jakkumpanjaha fit-triq lejn it-taħriġ u lura d-dar, u hawn kien allegatament imissha b’mod indiċenti, billi jaqbdilha sidirha u jitfa’ jdejh bejn saqajha.
Meta t-tifla kienet titolbu biex jieqaf, ir-raġel jidher li kien jgħidilha biex ma tikxfux, għaliex iġġibu fl-inkwiet.
It-tifla spiċċat fil-bżonn ta’ għajnuna psikjatrika minħabba li bdiet turi tendenzi suwiċidali.
Fil-Qorti ntqal ukoll kif mal-arrest tar-raġel il-Ħadd li għadda nstab ritratt li kien ħa hu ta’ żewġ tfajliet miexjin fil-pubbliku, u meta mistoqsi dwar ir-ritratt, ir-raġel daħaq u ta l-impressjoni li mhu xejn.
Kien innotat ukoll li l-akkużat kien diġà nstab ħati ta’ każ identiku lura fis-sebgħinijiet.