Dak li fi tliet snin taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia, għamel sena u nofs kaxxier tal-Partit Nazzjonalista fetħilha kontra dawk li deherlu li għamlu bsaten fir-roti lill-Kap.
David Camilleri, li missieru kien jaħdem bħala stampatur fl-istamperija espona l-gravità tal-ġlied u l-intriċċi fil-Partit Nazzjonalista fejn fazzjoni ma tiflaħx lill-oħra.
Camilleri spjega kif fl-ewwel maratona ta’ ġbir ta’ fondi li kien organizza bħala kaxxier avviċinawh persuni li semmewlu individvi viċin ħafna tal-grupp li jridu bidla fil-Kap, li qalulhom biex għalissa ma jgħinux lill-Partit. “Dan għamluh għax iħobbu lill-partit?”, staqsa Camilleri.
Camilleri kompla jikteb ukoll kif saħansitra kien ikun hemm deputati li ma kienux imorru għall-maratoni bl-iskuża li ridu jieħdu tifel il-futbol. “Naturalment, il-maratona tal-partit iddum 12-il siegħa, u allura kulħadd jagħmel il-konklużjonijiet tiegħu. Tgħid dan sar għax iħobbu il-Partit?”, tenna Camilleri.
L-eks kaxxier Nazzjonalista stqarr li kien hemm eks-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista li ftaħru li qed jaħdmu biex jinbidel il-Kap, li fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li għaddiet qalu l ser jagħtu l-ewwel preferenza fuq il-vot lil Żaren tal-Ajkla imbagħad fuq xi kandidati Nazzjonalisti.
Camilleri kompla jikteb li waqt il-laqgħat kien ikun hemm leakages kontinwi li l-unika intenżjoni kienet li jagħmlu ħsara lill-Partit u lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Huwa saħaq li għadu sal-lum il-ġurnata jara attakki kontinwi fuq il-Partit u fuq il-fazzjoni ta’ Adrian Delia.
Camilleri spjega li kemm dam jaħdem fil-Partit Nazzjonalista kien hemm xi ħbieb tiegħu li dawwru wiċċhom in-naħa l-oħra għax kien uffiċjal fit-tim ta’ Adrian Delia.
Semma l-attakki anki fil-konfront tal-Viċi Kap Robert Arrigo u qal li ma jridx li l-Partit Nazzjonalista jiġi maħkum min-nies li jmexxu minn wara l-kwinti.
L-eks kaxxier għalaq il-messaġġ tiegħu billi saħaq li jemmen li Kap għandu jingħata ċans għal ħames snin u saħaq li għalhekk huwa se jivvota biex it-tesserati jkunu jistgħu jikkonferma lil Adrian Delia bħala Kap.