Minkejja li f’dawn l-aħħar snin, il-Partit Nazzjonalista biddel il-Kap tiegħu darba wara oħra, xorta baqa’ ma rriġenerax ruħu u l-istess problemi baqgħu jaħkmu lill-partit.
Dan intqal mill-eks kandidat u eks kunsillier fl-Imsida tal-Partit Nazzjonalista, Alan Abela Wadge, f’kummenti mas-sit The Journal.mt.
Abela Wadge qal li huwa kien ilu fil-Partit Nazzjonalista mill-bidu tal-millenju, meta Malta kienet fil-proċess li tidħol fl-Unjoni Ewropea.
Huwa qal kif wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Partit Nazzjonalista naqas milli jispira.
Qal kif mir-rebħa elettorali tal-2008 ma nbidel xejn.
Min-naħa l-oħra, Alan Abela Wadge qal kif il-Partit Laburista mindu tela’ fil-Gvern fl-2013 baqa’ jiġġedded, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista falla milli jressaq lejh żgħażagħ.
Huwa qal kif il-Partit Nazzjonalista falla wkoll milli jaspira żewġ ġenerazzjonijiet biex ingħaqdu miegħu.
Abela Wadge qal kif għall-elezzjoni ġenerali li ġejja, il-Partit Nazzjonalista se jippreżenta prattikament l-istess kandidati li ppreżenta fl-aħħar żewġ elezzjoni ġenerali.
L-eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista qal kif Bernard Grech kien qal li ħa deċiżjonijiet mhux popolari, iżda s’issa għadu ma wettaq xejn minn dan. Filwaqt li fuq il-karta tal-vot fin-naħa tal-Partit Nazzjonalista se jkun hemm l-istess nies li kien taħt Lawrence Gonzi u Simon Busuttil.
Fl-aħħar tal-kumment tiegħu mas-sit The Journal.mt, Alan Abela Wadge għalaq b’messaġġ lejn il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech, li aħjar jirreġenera inkella se jkompli jiddiżintegra.
Wadge mhux l-ewwel eks kandidat Nazzjonalista li mhux se jikkontesta għal Partit Nazzjonalista. Fost dawn hemm martu, Tiffany li kienet qalet li ħassitha fgatha f’partit deskritt bħala negattiv.
Hemm ukoll George Muscat li waqt intervista fuq il-midja soċjali qal li l-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech huwa bla viżjoni.
Flimkien ma’ dawn hemm ukoll il-membru parlamentari Therese Comodini Cachia, li s-sena l-oħra fi żmien Adrian Delia, id-deputati ribelli kienu għażlu lilha sabiex tkun Kap tal-Oppożizzjoni.
Issa Comodini Cachia għażlet li ma toħroġ elezzjoni oħra mal-partit ta’ Bernard Grech.