Eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet u esponent tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil talab lill-Partit ta’ Adrian Delia biex ikun trasparenti fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-partit.
Fuq ix-xandir nazzjonali, Wayne Hewitt affaċċja lis-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Francis Zammit Dimech u ġibidlu l-attenzjoni kif għalkemm it-tmexxija qed tagħti l-impressjoni li l-finanzi tal-Partit Nazzjonalista huma ward u żahar, Clyde Puli kien qal mod ieħor ftit tax-xhur ilu.
Hewitt qal: “Għax Francis qed jgħid illi kollox ward u żahar, il-finanzi qegħdin fis-sod. Però mbagħad għandek dikjarazzjonijiet mis-Segretarju Ġenerali ta’ qablek, Francis, Clyde Puli li qed ipenġi xenarju totalment differenti. Qed jgħid li hemm dejn kbir, bilkemm qed tlaħħqu mal-interessi tad-dejn. Id-dikjarazzjonijiet in-nies jibdew joħduhom at face value.”
Fi Frar li għadda, hekk kif kien irriżenja minn Segretarju Ġenerali għax ma felaħx iżjed mill-bsaten fir-roti u l-ġlied bejn il-fazzjonijiet, Clyde Puli kien tkellem dwar il-miljuni kbar ta’ dejn li għandu l-Partit Nazzjonalista u sejjaħ l-interessi li jakkumulaw mid-dejn bħala mażra ma’ saqajn il-partit.
Puli stqarr: “Nista’ ngħidlek illi d-dejn huwa kbir, huwa ta’ miljuni kbar u hemm interessi, għax mhux dik l-agħar, interessi ta’ mijiet ta’ eluf fis-sena. Mela allura dak id-dejn jew aħjar dawk l-interessi huma mażra ma’ saqajk.”
Meta kien mistoqsi: “Jiġifieri ma tiċħadx li l-PN għandu dejn ta’ ħamsa u għoxrin miljun?”
Puli wieġeb: “Għandu dejn ta’ miljuni kbar.”
F’dan il-kuntest, Wayne Hewitt talab lit-tmexxija Nazzjonalista ta’ Adrian Delia biex taqta’ ras din il-kwistjoni dwar il-qagħda finanzjarja mwergħa tal-partit tal-Pietà u tippubblika l-kontijiet.
Hewitt sostna: “U naħseb it’s high time biex taqtgħuha darba għal dejjem, dan id-diskors tad-dejn, hu li tkunu naħseb trasparenti, naħseb għal ġid tal-partit stess illi tippubblikaw x’inhuma l-accounts tal-Partit Nazzjonalista, tal-medialink għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-medialink, ix-shareholder huwa l-Partit Nazzjonalista u tat-trusts fejn hemm il-proprjetà. Ħalli tkun 100% ċara x’inhi s-sitwazzjoni tal-partit u nibdew naqtgħu dawn l-in u and.”
Bid-deputat Nazzjonalista tat-tmeninijiet, Francis Zammit Dimech viżibilment skomdu u xi daqqiet iħares ‘l isfel hekk kif ħabat jiddejjaq b’dak li kien qed jgħidlu Wayne Hewitt, l-eks kandidat Nazzjonalista qal li hemm messaġġi kunfliġenti fejn min-naħa, Puli jgħid li hemm dejn enormi, bil-partit mhux ilaħħaq mal-interessi u min-naħa l-oħra it-tmexxija qed tgħid li hemm finanzi fis-sod.
Hewitt kompla jgħid:“Hemm ħafna mixed messages hemm barra. Ikollok lil Clyde Puli għandek dejn enormi li l-partit bilkemm qed ilaħħaq mal-interessi u s-sitwazzjoni u imbagħad hawn inti u issa Robert Arrigo għaliex għandkom interess, it-tnejn qegħdin, wieħed Segretarju Ġenerali u l-ieħor Deputat Kap u imbagħad jgħidu, le l-finanzi fis-sod. Mela Francis kunu trasparenti u ppubblikaw eżattament is-sitwazzjoni finanzjarja tat-tliet entitajiet li jagħmlu l-Partit Nazzjonalista.”