Eks impjegata ta’ Facebook qalet lil-leġiżlaturi Amerikani li s-siti u l-apps tal-kumpanija jagħmlu ħsara lit-tfal, joħolqu l-firda u jdgħajfu d-demokrazija.
Frances Haugen ta’ sebgħa u tletin sena, ikkritikat b’qawwa lill-kumpanija li kienet tħaddimha waqt smigħ f’Capitol Hill.
Dan fi sfond ta’ skrutinju u talbiet kontinwi li qed isiru biex Facebook jiġi regolat.
Il-Fundatur tas-sit Mark Zuckerberg wieġeb għal dawn l-allegazzjonijiet, li fi kliemu jagħtu stampa mhux veritiera tal-kumpanija.
F’ittra li bagħat lill-impjegati, Zuckerberg qal li ħafna mill-akkużi ma jagħmlu l-ebda sens u faħħarhom għall-isforzi tagħhom biex jiġġieldu materjal ta’ ħsara u jistabilixxu t-trasparenza.
Fl-ittra, li ppubblika fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook, kiteb li l-kumpanija jinteressaha minn kwistjonijiet bħas-sigurtà, il-benessere u s-saħħa mentali ta’ kulħadd.
Facebook hija l-aktar pjattaforma tal-midja soċjali popolari madwar id-dinja, li kull xahar jagħmlu użu minnha madwar tnejn punt sebgħa biljun persuna. Mijiet ta’ miljuni oħra jużaw is-siti l-oħra tal-istess kumpanija, fosthom WhatsApp u Instagram.