Edward Dominic Polidano ta’ 32 sena ngħata s-sentenza ta’ 13-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn. Dan wara li nstab ħati li seraq id-dawl minn substation tal-kumpanija GO, f’Wied Rini, il-Baħrija.
Fil-Qorti nstemgħa kif is-Sur Polidano, li kien jaħdem mal-istess kumpanija kien iqatta’ l-ħin liberu fil-kamra ta’ sieħbu, Alexander Schembri.
Schembri xehed kif il-kamra fil-Baħrija ma kelliex dawl u l-ħati offrielu li jgħaddilu wire biex jaċċessa d-dawl. Polidano seta’ għamel dan hekk kif seta’ jitlob aċċess għas-substation tal-GO.
Fil-Qorti, l-uffiċjali tal-kumpanija qalu kif lura fi Frar tal-2016 innutaw b’din il-konnessjoni bi plakka u wire. Din tneħħiet, iżda reġgħet instabet hemm u mat-tielet darba il-kumpanija bdiet l-investigazzjonijiet tagħha.
Ma’ Polidano kien hemm ħaddiem ieħor iżda l-ħati biss daħal fis-substation għax l-access card tiegħu biss intużat waqt l-installazzjoni.