F’isem l-eks-ħaddiema tat-Tarzna li mardu jew mietu kawża tal-Asbestos, il-GWU Taqsima Metall u Kostruzzjoni qed tilqa’ l-applikazzjonijiet għal kumpens bil-għan li jkun hemm negozjar ta’ dan l-istess kumpens barra mill-Qorti mal-awtoritajiet ikkonċernati.
Sabiex jitressaq il-każ il-ħaddiema milquta jridu jgħaddu dawn id-dokumenti;
- Employment History (mill-eqreb fergħa tal-Jobsplus)
- Ċertifikat tal-mard kawża tal-Asbestos (mill-Isptar pubbliku)
- Jiġi ffirmat dokument li jagħti awtorizzazzjoni lill-unjin biex tgħaddi d-dokumenti lil terzi persuni/dipartimenti. F’każ li l-persuna mietet l-istess dokumenti jridu jinġiebu mill-eqreb qarib jew qariba u għandu jinġieb ukoll ċertifikat tal-mewt sħiħ (mhux estratt).
Fi stqarrija l-GWU qalet kif dawk li għaddew dawn id-dokumenti diġà, m’għandhomx għalfejn jerġgħu jgħaddu dawn id-dokumenti.
Min għandu l-ħsieb li jibgħat id-dokumenti, jista’ jew joħodhom personali jew jibgħathom bil-posta fuq dan l-indirizz postali:
Is-Segretarju
Taqsima Metall u Kostruzzjoni
General Workers’ Union
Workers’ Memorial Building
South Street, Valletta
L-applikazzjonijiet jagħlqu fil-31 ta’ Mejju 2021. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ ċempel fuq 25 679 267 u jsaqsi għas-Segretarju tat-Taqsima.