Eks-uffiċjal tal-Wastserv inħeles mill-akkużi miġjuba kontrih wara li x-xhud li tressaq kontrih ma kienx kreddibli. Joseph Mifsud li kien surveyor tal-Wastserv kien mixli li ħareġ informazzjoni sensittiva dwar il-Park għall-Familja f’Wied il-Għajn.
Ix-xhud f’dan il-każ, Alfio Sciberras kien qal li Mifsud żvela l-isem ta’ kumpanija li daħlet fit-tellieqa għar-rebħ tat-tender fil-proġett ta’ Wied il-Għajn.
Joseph Bezzina, li kien is-segretarju tal-bord li jevalwa l-proposti, kien qal li l-uffiċju tal-Wastserv kien miftuħ għall-impjegati kollha u dokumenti sensittivi kienu jiġu stampati permezz ta’ printer komuni u użat mill-ħaddiema kollha. Wara li analizzat dak imressaq, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit iddeċidiet li l-akkużat mhux ħati minħabba nuqqas ta’ provi u xhieda li dehret mhux kredibbli.