Eks-ħaddiem ta’ bank ġie akkużat li seraq informazzjoni kunfidenzjali u li għaddiha lill-kompetitur tal-istess bank ingħata l-ħelsien mill-arrest.
Ir-raġel ta’ 36 sena, li ma jistax jinstema ismu bl-ordni tal-Qorti, ġie akkużat li kiser ir-regolamenti tal-bank u li uża l-pożizzjoni tiegħu għal skopijiet ħżiena.
L-Ispettur Shaun Friggieri, qal lill-Qorti li r-raġel ħa informazzjoni kunfidenzjali mill-bank u pprova jgħaddiha lill-kompetitur tal-istess bank.
Il-Maġistrat Doreen Clarke rat tliet stqarrijiet tal-akkużat.
Hu wieġeb li mhux ħati. Ir-raġel kien assistit mill-Avukat Roberto Montalto.
F’dan il-każ qed jiġu investigati partijiet oħrajn għall-iktar reati ta’ natura serja.
L-Avukati li qed jidhru f’isem il-bank qalu li huwa fl-interess tal-pubbliku li jkunu jafu isem l-akkużat imma mhux isem il-bank.
Il-Qorti ċaħdet il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-partijiet involuti.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet aċċettata fuq depożitu ta’ €4000 u garanzija personali ta’ €5000.