Andrea Benedetto, li għandu 45 sena u miżżewweġ frisk ġie salvat mill-eks għawwiem Olimpiku Taljan, Filippo Magnini. Dan wara li kien qed jegħreq, waqt li kien qiegħed jgħum f’bajja li tinsab f’Sardinja.
Magnini, niżel fil-baħar biex jagħti l-għajnuna, hekk kif sema’ l-ħbieb ta’ Benedetto jgħajtu għall-ajjut, fil-bajja ta’ Cala Sinzias, fin-naħa tal-Lvant ta’ Cagliari.
L-għawwiem professjonali Taljan baqa’ jżomm ras Benedetto ‘l barra mill-ilma sakemm ġew il-ħaddiema tas-salvataġġ fuq il-post.
Magnini, stqarr mal-gazzetta Taljana: Corriere dello Sport, li r-raġel laħaq bela’ l-ilma. Huwa tenna li meta wasal ħdejn Benedetto, dan kien mitluf minn sensieh.
Filippo Magnini, kien iċ-champion dinji tal-100 metru freestyle fl-2005 u fl-2007 reġa’ ħa dan it-titlu wara rebaħ l-midalja tad-deheb, flimkien mal-Kandiż Brent Hayden.
Ritratt: AFP