L-eks għalliem Awstraljan, Chris Dawson, li s-sena l-oħra nstab ħati li 41 sena ilu kien qatel lil martu biex jiżżewweġ studenta tiegħu, illum instab ħati mill-Qorti ta’ Sydney li dak iż-żmien kien ukoll abbuża mill-fraġilità tal-istess studenta meta kienet għadha taħt l-età.
Dawson, li deher permezz ta’ video conferecing mill-ħabs ta’ Long Bay, kien wieġeb mhux ħati dwar l-akkużi ġodda miġjubin kontrih, għalkemm ma ċaħadx li kellu relazzjoni sesswali mal-istudenta, Joanne Curtis, li kien ukoll iżżewwiġha ftit wara li martu għebet fl-1982.
L-istorja makabra ta’ Dawson kienet spiċċat is-suġġett ta’ serje ta’ podcast popolari bl-isem ‘The Teacher’s Pet’, li ħarġet fl-2018, ġabet il-każ għall-attenzjoni dinjija. Is-serje tniżżlet mas-17-il miljun darba minn dakinhar.
Fil-Qorti ta’ Sydney, issa Dawson, li għandu 75 sena, instab ħati li wettaq atti sesswali ma’ minorenni ta’ sittax-il sena u ġie kkundannat tliet snin oħra ħabs.
Din tiżdied fuq is-sentenza preċedenti ta’ 24 sena, li rċieva fl-2022, wara li nstab ħati li qatel lil martu, minkejja li l-katavru ta’ martu Lynette baqa’ qatt ma nstab. Skont il-liġi, hu lanqas jista’ japplika għall-parole sakemm ma jiżvelax il-post fejn jinstab il-katavru.
Dawson kien daħħal lil Curtis fid-dar matrimonjali ġimagħtejn wara li għebet martu u żżewġu sentejn wara. Flimkien kellhom tarbija, iżda sseparaw ftit snin wara. Skont il-Prosekutur Emma Blizard, Dawson dak iż-żmien kien abbuża mill-fraġilità tat-tfajla li kellha problemi familjari.