L-aggressjoni fil-Każin Nazzjonalista tal-Ħamrun, waqt il-marċ ta’ San Gejtanu, l-aktar li kellha impatt negattiv kien fuq il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech. Dan hekk kif il-prestiġu tiegħu qatt ma kien daqshekk fil-baxx.
Innota dan l-eks Editur tal-Malta Independent u opinjonista, Noel Grima, f’opinjoni fuq il-Malta Independent on Sunday, fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd.
Dakinhar li seħħ dan l-attakk vjolenti, aktar minn ġimgħa ilu, Bernard Grech ma tħalliex jidħol fil-każin tiegħu stess minn dak li jmexxi s-sede. Il-kanvażer tiegħu, Noel Mifsud Bonnici, li nsista li l-Kap kellu dritt ikun hemm ġew, ġie aggredit b’mod vjolenti, tant li kellu jiġi operat fl-Isptar Mater Dei.
Waqt li Bernard Grech ħalli lil dan il-partitarju tiegħu waħdu u mar jippoża għar-ritratti, Noel Grima nnota li affarijiet bħal dawn ġraw drabi oħra fil-Partit Nazzjonalista.
Hawnhekk hu semma meta l-eks Viċi Kap Nazzjonalista, Robert Arrigo, li kien rispettat miż-żewġ partiti, ma tħalliex jidħol fil-Każin Nazzjonalista ta’ Ħaż-Żabba, filwaqt li l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, fi żmien meta kien Kap, ġie mċaħħad mill-każini Nazzjonalisti tal-Mellieħa u n-Nadur, Għawdex.
Grima semma li l-argument fil-Ħamrun kompla juri l-apatija u l-firda li hemm bħalissa fil-Partit Nazzjonalista, kif ikkonfermat minn ONE News fl-aħħar jiem permezz ta’ screenshots fi gruppi ristretti ta’ partitarji Nazzjonalisti fuq Facebook.
Sadanittant, fil-ħarġa tagħha tat-Tnejn, il-Malta Independent irrapportat li l-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija xotta, ftit tal-jiem ilu, fejn ħabbar li l-każin Nazzjonalista ngħalaq b’mod temporanju.
Din l-istqarrija xotta ta’ sentenza waħda, kienet l-unika ħaġa li qal il-Partit Nazzjonalista dwar dan l-inċident li ġie rrapportat fil-midja lokali kollha, ħlief għal dik tal-Partit Nazzjonalista. Anke Bernard Grech baqa’ ma lissen l-ebda kelma dwaru.