L-eks Deputat Nazzjonalista fi żmien Gvern Nazzjonalista Jean Pierre Farrugia talab li jinħoloq partit ġdid li jkun aktar liberali.
Dan wara li fl-elezzjoni ġenerali ta’ nhar is-Sibt li għadda, il-Partit Nazzjonalista ġarrab l-akbar telfa elettorali mill-Indipendenza ’l hawn u li hija t-tielet telfa konsekuttiva għall-Partit Nazzjonalista.
Jean Pierre Farrugia, li kien President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista fi żmien Lawrence Gonzi f’kitba fuq Facebook qal li l-Partit Nazzjonalista għandu problema eżistenzjali.
Farrugia qal kif il-Partit Nazzjonalista huwa mifni b’diversi nies konservattivi, b’referenza għall-establishment Nazzjonalista li għandhom ir-riedni tal-partit immexxi minn Bernard Grech.
L-eks President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista żied jgħid li il-forzi konservattivi fil-Partit Nazzjonalista iridu jibqgħu hekk u ma jinbidlux għaliex dik hija l-“ġlieda ta’ ħajjithom”.
F’din il-kitba fuq Faceboook, l-eks Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista appella li jekk tassew hemm Nazzjonalisti jemmnu f’demokrazija għandu jinħoloq moviment ġdid li jkun liberali u mhux ikun konservattiv.
Skont Jean Pierre Farrugia, il-Partit Nazzjonalista laħaq il-quċċata meta rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-2003, li wassal biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea mbagħad minn hemm qabad it-triq tan-niżla.
Jean Pierre Farrugia kien Deputat fil-Gvern ta’ GonziPN li kritika ħafna lill-eks Kap Nazzjonalista u eks Prim Ministru Lawrence Gonzi. Fost l-oħrajn, it-Tabib Farrugia kien kritika l-għotja ta’ ħames mitt ewro fil-ġimgħa li l-Gvern ta’ Gonzi ta lill-Ministri.