Qorti fl-Angola ordnat l-iffriżar tal-assi tal-biljunarja u t-tifla tal-eks President tal-Angola fuq investigazzjoni marbuta m’allegat korruzzjoni.
Isabel Dos Santos għandha rabtiet ma’ Malta hekk kif diversi kumpaniji tagħha huma bbażati f’pajjiżna u direttur fuq numru ta’ kumpaniji tagħha hemm l-eks deputat Nazzjonalista Noel Buttigieg Scicluna.
Buttigieg Scicluna huwa direttur f’Victoria Holding, li ntużat minn Dos Santos biex flimien mal-kumpanija nazzjonali tad-djamanti fl-Angola, tiġi akkwistata kumpanija fl-Iżvizzera.
Fl-2015 Isabel Dos Santos, meqjusa bħala waħda mill-aktar nisa sinjuri fl-Afrika akkwistat 65% tal-ishma f’kumpanija Portugiża permezz ta’ kumpanija bbażata f’Malta bl-isem ta’ Winterfell.
F’din il-kumpanija, wkoll hemm direttur l-eks Deputat Nazzjonalista Noel Buttigieg Scicluna.
Buttigieg Scicluna ilu midħla tal-Partit Nazzjonalista u huwa persuna rispettata fost l-establishment Nazzjonalista.
Apparti li kien Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista fis-sebgħinijiet, fi żmien meta anki Eddie Fenech Adami warrab lil Ġorġ Borg Olivier mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, Noel Buttigieg Scicluna huwa anki qrib ħafna tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Fil-fatt meta Simon Busuttil kien kap, Noel Buttigieg Scicluna kien inħatar bħala parti minn Kummissjoni li kellha tagħżel il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2014.
Dak iż-żmien Buttigieg Scicluna kien ta sehem fil-kummissjoni mmexxija minn Joe Borg, li għamel żmien Kummissarju Ewropew.
Noel Buttigieg Scicluna dejjem ftaħar li l-istrutturi tal-kumpanija Winterfell huma trasparenti iżda issa l-awtoritajiet fl-Angola qiegħdin jippruvaw jirkupra mal-biljun dollaru Amerikan f’assi ta’ dos Santos u nies assoċjati magħha.
L-eks deputat Nazzjonalista kien tħallas ukoll mat-tmien €150,000 fuq medda ta’ ftit iktar minn 10 snin, taħt gvernijiet differenti Nazzjonalisti.
Buttigieg Scicluna kien serva bħala ambaxxatur u wara bħala segretarju ta’ numru kbir ta’ bordijiet.
Intant Isabel Dos Santos kienet għal xi żmien tmexxi l-kumpanija nazzjonali taż-żejt tal-Angola.
Hija llum tgħix barra mill-Angola għax issostni li ħajjitha tinsab mhedda hekk kif tiċħad l-allegazzjonijiet dwarha.
Kritiċi tal-familja dos Santos isostnu li l-familja użat kumpaniji nazzjonali u r-riżorsi tal-pajjiż sabiex jitkattar in-negozju tagħha.
Missierha, l-eks President José Eduardo dos Santos, dam imexxi l-Angola għal 38 sena sħaħ sal-2017.
Il-President attwali Joao Lourenço kien ingħata mbuttatura biex jieħu l-poter mill-eks President innifsu sabiex imexxi l-pajjiż, iżda f’mossa sorpriża dar kontra l-familja u wiegħed li jibda kruċjata kontra l-korruzzjoni fl-Angola.
Fil-fatt, iben l-eks President u ħu Isabel dos Santos, Joe Filomeno, qiegħed jaffaċja ġuri fuq akkużi ta’ korruzzjoni.