Simon Busuttil għandu jitlaq. Tal-inqas għall-partit.
Qal dan l-eks deputat Philip Mifsud f’artiklu fit-Times of Malta.
Philip Mifsud kiteb kif l-għażla għall-Partit Nazzjonalista hi jekk jibqax iħaffer jew fl-aħħar jiddeċiedi li jibda jibni.
“Busuttil għandu jitlaq għal mija u wieħed raġunijiet,” kiteb Philip Mifsud li mbagħad beda jsemmi wħud minnhom.
L-eks deputat Nazzjonalista kiteb kif tul l-aħħar erba’ snin inbniet perċezzjoni li Busuttil ma jistax ikun elett bħala Prim Ministru.
Philip Mifsud qal li jekk fl-aħħar snin Simon Busuttil għamel l-aħjar li seta’ jfisser li l-fatt li ma wasalx huwa raġuni oħra għaliex għandu jitlaq, filwaqt li fakkar kif ħafna drabi fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika spiċċa inqas popolari mill-partit tiegħu stess.
Imbagħad kien iktar dirett. Qal li kienu ħafna ċ-ċirkostanzi fejn Simon Busuttil kien problema – liability – għall-Partit Nazzjonalista.
Fost id-deċiżjonijiet li semma kien hemm kif Salvu Mallia kien approvat mingħajr m’għadda minn kumitat ta’ skrutinju li ħoloq hu stess biex jevalwa lill-kandidati.
Jgħid ukoll kif kienet problema wkoll il-koalizzjoni li għabba biha lill-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Biex il-Partit Nazzjonalista spiċċa b’siġġu inqas fil-Parlament.
Imbagħad, qal Mifsud, il-kampanja elettorali kompliet tesponi lil Busuttil anke għax il-Partit Nazzjonalista nqabad fuq sieq waħda.
U nnota kif filwaqt li Busuttil kien qed jgħid li jrid jiġġieled l-elezzjoni fuq prinċipji sar magħruf li l-partit tiegħu kien qed jieħu flus illegali mingħand negozjant ewlieni.
Philip Mifsud qal li m’hemmx lok għal musical chairs fil-Partit Nazzjonalista. “Busuttil għandu jitlaq għax il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn ideat ġodda,” qal philip Mifsud.