L-eks champion tal-bowling, Sue Abela, li wara 21 sena nħelset minn akkużi kriminali dwar allegat involviment fi traffikar tad-droga fil-Qorti fejn kienet akkużata l-ewwel darba fl-2002, issa ressqet protest kontra l-awtoritajiet biex jerfgħu r-responsabbiltà għad-danni li sofriet f’dik li sejħet “prosekuzzjoni malizzjuża”.
Lura fl-2002, Abela kienet akkużata, flimkien ma’ 18-il persuna oħra, b’involviment fi traffikar ta’ erba kilo ta’ kokaina u kilo kannabis mill-Italja għal Malta.
Abela qalet li tali prosekuzzjoni mhux biss ħolqotilha umiljazzjoni u trattament inġust, iżda kienet tammonta wkoll għal ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha.
Is-sentenza finali wara l-appell, li kkonfermat il-ħelsien ta’ Abela, ingħatat f’Settembru li għadda mill-Qorti Kriminali.
F’ittra ġudizzjarja, iffirmata mill-Avukat Edward Gatt, quddiem il-Qorti Ċivili, l-eks champion tal-bowling sostniet li kienet sofriet trattament inġust fid-Depot tal-Pulizija u talbet li l-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali jerfgħu r-responsabbiltà kollha.