Eks assistent tal-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa, li f’affidavit qal li Casa kien jabbuża mid-droga kokaina, kiteb lill-aġenzija ta’ kontra l-frodi, l-OLAF, fejn talab laqgħa biex jagħti l-informazzjoni li għandu fuq David Casa. L-istess persuna qal jien ilu li bejn l-2009 u l-2017, Casa kellu l-vizzju tad-droga.
Il-gazzetta MaltaToday irrapportat kif l-eks impjegat ta’ Casa, kiteb ukoll lill-Avukat Ġeneral dwar dan il-każ.
Fl-ittra li kiteb lid-direttur ġenerali tal-OLAF, Ville Itälä, l-eks impjegat ta’ Casa qal li jixtieq jiltaqa’ miegħu biex jgħaddilu informazzjoni dwar irregolaritajiet finanzjarji li jistgħu jitfgħu dawl fuq il-mod kif opera David Casa f’dawn l-aħħar snin.
L-eks assistent ta’ Casa, li serva miegħu sa sena ilu, qal li lest jikkopera mal-awtoritajiet dwar din l-informazzjoni li għandu.
Il-ġimgħa li għaddiet il-gazetta MaltaToday żvelat kif persuna li kien jaħdem mal-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, b’affidavit ġuramentat iddikjara li Casa kellu l-vizzju tad-droga, u li abbuża minnha anke fid-Dar Ċentrali.
Fl-affidavit ġuramentat, l-eks assistent ta’ Casa qal li huwa kien ikun preżenti ma’ David Casa meta kien iqatta tmiem il-ġimgħa fil-lukandi, waħda f’San Ġiljan u l-oħra f’Ħ Attard. Qal li meta kien ikun f’dawn il-lukandi, kien imur persuna jġiblu d-droga kokaina, u Casa kien iħallsu fil-pront.
Żied li fi tmiem il-ġimgha bħal dawn, Casa kien jonfoq bejn €600 u €700.
L-eks assistent ta’ Casa, li f’dan il-każ qed iservi ta’ Whistleblower, qal li huwa Nazzjonalist leali u jixtieq li dawk li jirrappreżentaw lill-Partit Nazzjonalista u lil Malta, ikunu persuni eżemplari u ta’ integrità morali.
“F’dan il-mument, David Casa qiegħed jagħti l-impressjoni li huwa mudell ta’ politiku, meta l-fatti juru mod ieħor” iddikjara l-eks assistent ta’ Casa.