It-tkabbir ta’ sebgħa punt wieħed fil-mija bejn Lulju u Settembru li għadda, skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ifisser li l-andament ekonomiku hu b’saħħtu ħafna.
Din kienet ir-reazzjoni komuni tal-ekonomisti Jonathan Spiteri u David Gravina, f’intervista ma’ ONE News, l-għada li ħarġu dawn iċ-ċifri ta’ tkabbir fit-tielet kwart ta’ din is-sena, differenti minn dawk ta’ diversi pajjiżi oħrajn Ewropej.
“Sebgħa fil-mija hi żieda sostanzjali, kemm meta tqabbilha ma’ dak li mdorrijin biha storikament, jiġifieri fuq diversi snin, kif ukoll meta tqabbilha ma’ dak li qed jiġri barra minn xtutna. B’mod partikolari jekk taħseb f’dak li qed jiġri fil-membri stati tal-Unjoni Ewropea, tara li bħala medja hemm tkabbir li jqarreb il-1%, min ftit aktar, però għal uħud minnhom għandhom inqas minn hekk. Jiġifieri meta tara dak li qed jiġri hawnhekk, naħseb li l-andament hu pożittiv ħafna.”
Ekonomista ieħor innota li dan it-tkabbir mhuwiex biss dovut għat-turiżmu, iżda għal setturi oħrajn.
“Fis-sajf x’timmaġina bħala tkabbir ekonomiku? Timmaġina t-turiżmu. Infatti t-turiżmu ta kontribut kbir għat-tkabbir ekonomiku. Kien is-sena mhux fejn irpiljajna, iżda morna ’l fuq minn dak li kellna qabel il-pandemija. Imma jekk naraw il-figuri, mhux biss kellna tkabbir fejn jidħol turiżmu, imma kellna tkabbir kbir fejn jidħlu setturi bħas-settur finanzjarju, il-gaming u anke dawk li ngħidulhom professional services, li jkopru ħafna tipi ta’ servizzi bħala periti, accountants. Din turi allura li aħna Malta ma niddependux mit-turiżmu, mill-ovvju, imma anke minn setturi oħrajn u din tikkontribwixxi għall-fatt li l-ekonomija tagħna baqgħet daqshekk reżiljenti u kellna tat-tkabbir ekonomiku daqstant kbir, anke jekk tikkomparah ma’ pajjiżi oħrajn.”
Tal-istess opinjoni kien l-ekonomista David Gravina, li tkellem dwar fattur ieħor għat-tkabbir ekonomiku.
“Hawnhekk qed nitkellmu f’żidiet f’termini reali, mhux nominali. Jiġifieri qed nitkellmu żidiet li mhumiex kaġun ta’ pereżempju żidiet fil-prezzijiet. Ifisser li hu tkabbir li ġej minħabba l-fatt qed inbiegħu iżjed prodotti u servizzi minn kemm konna qed inbiegħu l-bieraħ. Dak it-tkabbir li qed nitkellmu dwaru.”
Iż-żewġ ekonomisti tennew li s-sitwazzjoni fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hija differenti, hekk kif pajjiżi kbar, bħall-Ġermanja, irreġistraw tnaqqis flok tkabbir.
Dan it-tkabbir ekonomiku seħħ minkejja l-perjodu ta’ sfidi internazzjonali, fejn il-Gvern Malti, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, ħaddan politika ta’ stabilità, fejn anke għas-sena d-dieħla, il-Gvern se jinvesti €350 miljun.
L-ekonomista Jonathan Spiteri spjega aktar dwar l-importanza ta’ din il-miżura.
“Bla dubju deċiżjoni diffiċli. Din mhux deċiżjoni li kemm taqbad u tieħu hekk, hemm impatt kbir fejn jiġu l-finanzi tal-Gvern. Però qed naraw l-impatt tiegħu ekonomiku, jiġifieri mas-setturi kollha. Din kienet deċiżjoni importanti ħafna li ttieħdet, li pproteġiet mhux biss il-konsumatur, aħna bħala nies. Ovvjament narawha impatt, imma speċjalment in-negozji, li għalihom dan huwa cost enormi. Tara pajjiżi oħrajn, jiġifieri dawn splodew il-kontijiet tal-enerġija. Jiġifieri li kieku Malta ma kellniex din il-protezzjoni, kieku l-inflazzjoni kienet tkun ħafna aktar.”