L-Ekonomista Cressida Galea ressqet ilment għand il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Dr George Hyzler fuq id-Deputat David Thake, li dwaru fl-aħħar jiem ġew żvelati stejjer fuq ksur ta’ regoli u ħlas pendenti ta’ taxxa.
Fuq il-paġna tagħha fuq facebook, Cressida Galea qalet li kitbet lil Dr Hyzler u fl-ilment li ressqet fissret l-importanza li l-investigazzjoni ssir bl-ikbar serjetà u tiffoka fuq diversi aspetti.
Sostniet li quddiem dak żvelat fil-gazzetti ma setgħetx tibqa’ passiva.
Galea qalet li kulħadd għandu jsegwi l-ogħla livelli ta’ governanza u etika.
“Kulħadd għandu jwettaq dak li jitkellem dwaru”, sostniet ukoll il-kandidata Laburista ġdida, li spjegat kif primarjament ħidmietha trid tkun iffukata fuq il-ħtieġa li ġġib bidla pożittiva f’ħajjet in-nies.
David Thake, li baqa’ Deputat u sal-bieraħ anki kien il-Parlament jitkellem, għandu xi jħallas mal-qrib il-miljun ewro f’VAT dovuta lill-Istat.
Liema ammont ma ħallsux fuq medda twila ta’ żmien u ammetta wkoll li fuq kumpanija minnhom, qatt ma daħħal it-tax returns, jiġifieri għal għaxar snin sħaħ, daqskemm ilha teżisti l-kumpanija li hu l-uniku shareholder fuqha.