Kien Budget b’saħħtu, kuraġġuż, u li jagħti stabbiltà. Kienu dawn l-aġġettivi li uża l-ekonomista Roderick Psaila għall-Budget għas-sena 2023.
Huwa spjega li l-miżuri li tħabbru nhar it-Tnejn jagħtu stabbiltà u serħan il-moħħ lil pajjiż, fi żmien diffiċli għad-dinja kollha.
Roderick Psaila faħħar l-impenn li għandu dan il-Gvern, li qed japprezza li fi żminijiet diffiċli għall-ekonmija, l-aktar li jbati huwa ż-żgħir, u b’hekk ma introduċa l-ebda taxxi jew piżijiet ġodda.
“Rajna Budget fejn il-Gvern qiegħed jgħin l-iktar lil min huwa batut. Filwaqt illi ma kien hemm l-ebda żieda fit-taxxi – u dik hija importanti – xi kultant neħduha for granted imma ma jmissniex. Pero, kif rajna, il-batut ħa l-iktar. Wara kollox, il-Partit Laburista għalhekk ġie mwaqqaf, in the first place, biex jerfa’ minn taħt lil min huwa l-iktar fil-bżonn.”
Psaila sostna wkoll li dan il-Budget se jservi wkoll ta’ tarka għall-pensjonanti, għall-ħaddiema, u għall-intrapriżi billi se jkompli jassorbi ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u taċ-ċereali.
Huwa qal li, li kieku ma kinitx għall-allokazzjoni ta’ aktar minn €600 miljun, l-inflazzjoni kienet tgħolli rasha u l-piż kien jispiċċa jerfgħu l-poplu.
“Il-Gvern, b’mod dirett u indirett, qed iżomm ir-rata tal-inflazzjoni baxxa, u għalhekk wieħed jista’ jara li r-rata tal-inflazzjoni ta’ pajjiżna hija waħda mill-inqas li hawn fl-Ewropa.”
L-ekonomista żied jgħid li, filwaqt li l-Gvern kien impenjat li jipproteġi liċ-ċittadin, huwa importanti li wieħed iħares lejn kemm il-pajjiż se jkun qiegħed jissellef u kif dan is-self sa jaffettwa l-pajjiż, anke meta jiġi ikkomparat ma’ pajjiżi oħrajn madwarna.
“Fil-Budget, qed jiġi stmat li d-debt-to-GDP ratio se jibqa taħt is-60%. Din kienet waħda mir-rati li kienet a must criteria, li kienet timponi l-Unjoni Ewropea. Ovvjament, dawn il-master criteria ġew posposti minħabba l-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna, pero qed nara li l-Gvern se jibqa’ taħt is-60%.”
Huwa qal li dan juri stabbiltà fil-mod kif il-Gvern qiegħed jgħin, filwaqt li fl-istess ħin qed iżomm għajnejh miftuħin biex ma jkunx hemm sparparjar.