“L-għajnuna li qed jagħti l-Gvern waqt żminijiet ta’ sfidi internazzjonali hija kruċjali sabiex il-piż ikun inqas fuq il-familji Maltin u Għawdxin.”
Saħaq dan ma’ ONE News, l-ekonomista Roderick Psaila, hekk kif il-fenominu tal-inflazzjoni qed jolqot lil kulħadd.
Dan hekk kif il-Gvern qed jgħin billi jżomm il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil stabbli. Il-Gvern qed jgħin ukoll billi jħallas għal ħażna żejda tal-qmuħ u tal-ġwież, kif ukoll ta għajnuna lil dawk li jrabbu l-majjali.
Qal, “Il-fatt illi l-Gvern qed jagħti l-assigurazzjoni u jitfa’ jdejh fil-but biex ma jħallix il-prezzijiet tal-enerġija jiżdiedu, li mhu qed tiġri mkien aktar fl-Ewropa, qed tiġri hawn Malta biss, din qed iżżomm u ħa tibqa’ żżomm ir-rata ta’ inflazzjoni hawn Malta, aktar baxxa mill-bqija tal-Ewropa.”
Hawnhekk l-ekonomista qal kif ir-rata tal-inflazzjoni xorta waħda se tiżdied, minħabba li l-maġġoranza tal-prodotti tal-ikel f’pajjiżna huma impurtati minn barra.
Iżda minħabba li l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil baqgħu stabbli, pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ inflazzjoni minn fost pajjiżi Ewropej.
L-ekonomista Roderick Psaila sostna kif l-għoli tal-ħajja qed jiġri minħabba tliet raġunijiet prinċipali. Fost dawn ir-raġunijiet hemm il-pandemija tal-Covid-19 u l-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa, bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Ma’ dawn hemm ukoll raġuni oħra għaliex din iż-żieda fil-prezzijiet qed isseħħ.
Qal, “Hemm ukoll il-fatt illi fl-2021 u 2022, din is-sena kellna severe weather conditions f’ċertu pajjiżi kbar bħal Brażil, is-sena li għaddiet u ċ-Ċina, din is-sena hemm severe weather conditions, f’ċertu pajjiżi kbar. Iċ-Ċina hija produttur kbir tal-qamħ illi dawn qed ikomplu jnaqqsu s-supply u l-produzzjoni ta’ dan, allura l-prezzijiet ħa jitilgħu ’l fuq.”
Ma’ ONE News, l-ekonomista spjega kif is-sitwazzjoni f’pajjiżna kienet tkun agħar, li kieku l-Gvern ma intervjeniex fil-prezzijiet tal-fjuwil u l-enerġija.
Qal, “Għax kif qed tolqot iż-żieda fil-prezzijiet, iż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil kienet se tolqtu doppju. Waħda direttament għal kulħadd imur jagħti l-petrol lill-karozza, kulħadd jasallu kont tad-dawl, dak direttament u dawn kienu se jiżdiedu kif żdiedu fl-Ewropa, b’mod marketed. Indirettament għax meta inti ħa żżid il-prezzijiet tal-fjuwils, l-enerġija lill-industriji, ovvjament l-industrija, dawn il-prezzijiet ħa taffettwahom fil-produzzjoni tagħhom u l-prezzijiet ħa jiżdiedu anki hemmhekk u se jerġgħu jmorru fuq il-konsumatur.”