Fl-aħħar ħamsin sena mindu sirna Repubblika, pajjiżna għamel passi ta’ ġgant ekonomikament. Dan kien is-sentiment espress f’artiklu fl-aħħar ħarġa tal-gazzetta KullĦadd, li analizzat u qabblet numru ta’ indikaturi ekonomiċi bejn l-1974, meta pajjiżna sar Repubblika u llum, ħamsin sena wara.
Fl-artiklu jingħad kif, ħamsin sena ilu, l-ekonomisti internazzjonali ma kellhomx aspettattivi pożittivi għal pajjiżna, anzi kien qed ikun imbassar li l-unika soluzzjoni kienet biss l-emigrazzjoni tal-massa.
Minkejja li, fl-ewwel ftit snin ta’ Malta Repubblika, dan kien fenomenu li ssokta fuq is-snin preċedenti, tant li kważi ħamsa u għoxrin elf persuna kellhom iħallu art twelidhom, l-andament ekonomiku beda jitjieb bil-mod fl-ewwel snin ta’ Gvern ġdid Laburista.
Dan fid-dawl li, fl-1965, pajjiżna kellu mat-tmint elef ruħ qegħda jew tmienja fil-mija tal-popolazzjoni sħiħa, ċifra li niżlet għal sitta fil-mija fl-1974, parzjalment proprju minħabba l-emigrazzjoni.
Il-KullĦadd sabet li, dakinhar, il-ġid ta’ pajjiżna kien ekwivalenti għal wieħed punt erba’ biljun ewro tal-lum u fejn il-paga medja kienet ekwivalenti għal ftit inqas minn elfejn u tmien mitt ewro.
L-investiment kien ilaħħaq il-mitejn u sittin miljun ewro meta l-bilanċ bejn l-importazzjoni u l-esportazzjoni kien wieħed fejn pajjiżna jimporta kważi nofs biljun ewro aktar milli jesporta.
F’dan iż-żmien l-ammont ta’ turisti kien ilaħħaq ftit iktar minn mitejn u sebgħin elf persuna f’sena.
Minn hawn pajjiżna ra li jiffoka aktar fuq l-esportazzjoni, bil-konsegwenza li anke l-emigrazzjoni bdiet tonqos biex sat-tmeninijiet dan il-fenomenu kien prattikament xi ħaġa tal-imgħoddi.
Il-KullĦadd kompliet li, f’ħames diċenji, pajjiżna wasal biex illum il-ġid nazzjonali mistenni jlaħħaq id-dsatax punt erba’ biljun ewro, erbatax-il darba akbar minn dak ta’ ħamsin sena ilu bi prezzijiet tal-lum.
Ras għal ras, l-ekonomija ta’ pajjiżna għandha valur miżjud aktar mill-medja taż-Żona Ewro meta dan kien għoxrin fil-mija taż-Żona Ewro, ħamsin sena ilu.
Il-qgħad hu ta’ tlieta fil-mija, f’suq tax-xogħol li jimpjega aktar minn tlett mija u għoxrin elf persuna, b’dawk jirreġistraw ilaħħqu ftit aktar minn elf ruħ meta mqabbel ma’ aktar minn sitt elef fl-1974. Il-paga medja hi tmin darbiet akbar f’termini reali, biex illum tlaħħaq it-tlieta u għoxrin elf u sitt mitt ewro.
Dan minbarra investiment li jlaħħaq it-tlett biljun ewro u nofs f’sitwazzjoni fejn pajjiżna jesporta tlieta punt erba’ biljun ewro aktar milli jimporta u fejn it-turisti mistennija jgħoddu għal tliet miljun persuna u nofs.
L-artiklu tal-KullĦadd innota kif l-kisbiet ekonomiċi ta’ pajjiżna huma aktar b’saħħithom meta wieħed iqis l-kuntest internazzjonali li, fl-aħħar ħamsin sena, kien ikkaratterizzat mill-kriżi internazzjonali fil-bidu tat-tmeninijiet, ir-riformi meħtieġa biex pajjiżna daħal fl-Unjoni Ewropea b’implikazzjonijiet ekonomiċi u l-kriżijiet tal-2009 u l-pandemija tal-2020 li ħallew għadd ta’ pajjiżi għarkupptejhom.
Fil-fatt, hawn ir-reżiljenza ta’ pajjiżna, partikolarment fl-aħħar snin, kompliet tiddistingwi ruħha bil-bosta meta mqabbla anke ma’ pajjiżi li huma ferm akbar minna.