Minbarra l-importanza paleontoloġika u arkeoloġika tiegħu, is-sit preistoriku ta’ Għar Dalam f’Birżebbuġa huwa wkoll żona protetta ta’ Natura 2000. Il-Ħadd li ġej, 11 ta’ Novembru, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex iżur dan is-sit u jipparteċipa f’attivitajiet li se jiffukaw fuq aspetti varji tal-ambjent Malti. Dan l-avveniment se jinvolvi wkoll numru ta’ NGOs ambjentali u entitajiet tal-gvern.
L-attivitajiet se jibdew fid-9:00am bi żjara botanika fiż-żona ta’ Wied Dalam mmexxija min-Nature Trust. Din iż-żjara ssir mill-ġdid fil-11:00am, fis-2:00pm, u fl-4:00pm.Fid-9:30am, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) se tiddiskuti wkoll l-ispeċi Maltin. Din id-diskussjoni tiġi rrepetuta fl-10:30am u fil-11:30am.
Matul il-ġurnata, GROW 10 TREES Project se jkunu qed jagħtu dimostrazzjonijiet dwar il-propogazzjoni tas-siġar, filwaqt li fl-10:00am u fit-3:30pm se jkunu qed jiżirgħu xi siġar fil-post.
Diversi sezzjonijiet fil-wirja se jipprovdu iktar opportunità biex wieħed jesplora l-aspetti differenti tal-ambjent tagħna. Dawn jinkludu:
- Heritage Malta – fawna tal-għerien;
- Ambjent Malta – immaniġġjar tal-widien;
- ERA – speċi nazzjonali;
- Birdlife – crafts u treasure hunts;
- Nature Trust – l-ambjent naturali;
- Golden Island – tidwiq tal-għasel u turija ta’ kif isir. Il-prodotti tal-għasel ta’ Heritage Malta se jkunu għall-bejgħ.
Waqt dan l-avveniment, il-parteċipanti se jkunu jistgħu jagħżlu li jieħdu sehem f’attivitajiet relatati mal-ambjent, mixjiet madwar l-inħawi, u żjarat f’Għar Dalam. Se jkun hemm ukoll stand bl-ikel.
Il-viżitaturi se jingħataw roħs fil-prezz tad-dħul għal €2. Madanakollu, dawk li jaslu Għar Dalam bir-rota se jkunu jistgħu jidħlu bla ħlas bħala inċentiv għal użu ta’ trasport favur l-ambjent.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit ta’ Heritage Malta fuq www.heritagemalta.org