Il-Papa Franġisku wassal il-messaġġ tradizzjonali tal-Urbi et Orbi mill-gallarija ewlenija tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, f’jum l-akbar festa liturġika tal-Kattoliċi.
Quddiem aktar minn mitt elf persuna li mlew Pjazza San Pietru, imdawra b’għexieren ta’ eluf ta’ fjuri mdawla taħt ix-xemx tar-rebbiegħa, il-Papa Franġisku awgura l-Għid it-tajjeb lil kulħadd.
Partikolarment, il-Papa sellem lill-morda, lill-foqra, lill-anzjani, u lil dawk kollha li qed isofri, u talab għalihom biex jesperjenzaw il-pajsaġġ mit-tbatija għall-konsolazzjoni.
Fil-kuntest tal-kunflitti li jiddominaw f’ċertu pajjiżi, il-Papa talab għan-nies fis-Sirja, il-vittmi tat-terremoti fit-Turkija, u għaċ-ċittadini Ukreni, li tilfu lil xi ħadd għażiż minħabba l-gwerra.
Is-Suċċessur ta’ Pietru talab għad-djalogu bejn l-Iżrael u l-Palestina, biex terġa’ tirrenja l-paċi. Talab ukoll għal-Libanu, biex jerġa’ jikseb l-unità u l-istabilità.
Il-Papa semma wkoll lit-Tuneżija, fejn talab għaż-żgħażagħ u għal min qed isofri minn sfidi soċjali u ekonomiċi biex ma jaqtgħux qalbhom u jsibu mezzi biex jibnu futur ta’ paċi u fraternità.
Fl-Għid il-Kbir, il-Papa Franġisku saħaq fuq ir-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem u talab lill-Mulej biex jagħti faraġ lir-refuġjati, lill-priġunieri u lill-immigranti.
Il-Papa appella biex kulħadd jgħin lill-vittmi tal-ġuħ, lil min jabbuża mid-droga u lill-vittmi tat-traffikar uman, biex kull wieħed u waħda minna jkunu ta’ ispirazzjoni għall-mexxejja tal-pajjiżi, biex jassiguraw ir-rispett għad-dinjità umana, ħalli jittaffa l-uġigħ ta’ dawn il-feriti soċjali.