Proprju fil-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, sostniet kemm hu importanti li pajjiżna jikkumbatti l-istatus quo fejn jidħol il-qasam tas-saħħa mentali.
Hi nnotat ukoll li, fiż-żmien li ġej, is-servizz ta’ psiko-terapisti, li diġà beda jiġi offrut fl-iskejjel, ikompli jikber ħalli sa minn età żgħira l-ġenerazzjoni żagħżugħa jkollhom servizz utli matul il-vjaġġ edukattiv tagħhom.
F’diskors, fil-preżenza ta’ deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra u persuni pubbliċi oħrajn f’attività f’Villa Francia, f’Ħal Lija, Dr Abela saħqet dwar kemm pajjiżna jeħtieġ aktar żgħażagħ biex jinvolvu rwieħhom fil-politika tal-lum, għax bil-kontribut u l-attiviżmu tagħhom, pajjiżna jista’ jikseb aktar bidliet.
Fl-attività intervjeniet ukoll il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, li sostniet li l-Malta Trust Foundation se tkun qed iżżid is-servizz ta’ psiko-terapisti fil-ġimgħat li ġejjin biex ikunu ta’ benefiċċju għal aktar skejjel u utli għal aktar studenti, żgħażagħ u tfal.
Mart il-Prim Ministru kompliet billi appellat biex ħadd ma joqgħod lura u jitkellem għalih innifsu, ħalli l-istigma kontra s-saħħa mentali tinkiser b’mentalità ġdida li għandna nibnuha fost it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.
“Il-ħsieb dwar l-attività tal-lum bit-tema SPEAK hija l-ewwelnett biex inqajmu kuxjenza ħalli kull min għaddej minn problemi ta’ saħħa mentali, jitkellem, jiftaħ qalbu u jfittex l-għajnuna.”
Dr Abela semmiet kif, proprju xahar ilu, pajjiżna tilef lil Karl Gouder, u din it-telfa wasslet biex titqajjem kuxjenza dwar il-ħarsien personali ta’ nies li huma involuti fil-ħajja pubblika.
Sadanittant, hi elenkat li, għal suġġett personali bħalma hu s-saħħa mentali, għandna mmorru lil hinn mill-partiġġjaniżmu u, bħala pajjiż, għandna nkunu magħqudin biex inkunu komunità inklussiva u bħala Malta li tħobb.
Għal dan il-jum, ONE News ħa l-kumment ukoll tal-Professur Carmen Sammut, pro-Rettur fl-Università ta’ Malta, li kienet preżenti f’Villa Francia. Hi saħqet kif l-Università qed tagħmel ħilitha biex tissalvagwardja s-saħħa mentali tal-istudenti u tal-istaff tagħha.
“Il-komunità nagħtu każ ħafna s-saħħa mentali. Fil-fatt nagħmlu ħafna fejn jidħlu counselling, għandna numru ta’ professjonisti, għandna social workers li qegħdin hemmhekk, mhux għall-Università biss, imma anki għal Junior College.”