Il-maduma u l-innu tal-Partit Nazzjonalista magħruf bħala s-sbejħa patrija, se jkunu esposti b’iktar saħħa fil-jiem li ġejjin bil-għan li l-Partit Nazzjonalista jipprova jqanqal memorji ta’ żminijiet aktar glorjużi bit-tama li jimmobilizza n-nies tiegħu wara Simon Busuttil.
Xi ħaġa li sal-illum l-istrateġisti tal-Partit sabu diffiċli ħafna. Fl-istess ħin dawn is-simboli tal-Partit se jintużaw bħala l-bażi għal skema ġdida ta’ ġbir ta’ fondi. Skema li se jkun jisimha “Ejjew Nazzjonalisti.” Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jgħid li kull min hu Nazzjonalist tal-qalba u jħobb il-maduma u l-Innu għandu jikkontribwixxi f’din l-iskema.
Din hija inizjattiva oħra maqbula mill-grupp ta’ straġesti li ddeċieda li ma jmurx lura mill-kampanja ta’ konfront. Tant li hu għalhekk li nhar il-Ħadd il-Partit Nazzjonalista se jerġa’ jniżżel in-nies fit-toroq għal mass meeting.
Kienu dawn l-istess nies li qablu ma Simon Busuttil li jmur fil-Parlament u jagħmel ix-xenata li għamel ilbieraħ meta spiċċa jqatta’ l-kuntratti tal-power station il-ġdida. Kuntratti li l-Kummisjoni Ewropea analizzathom paġna paġna u li wara li għamlet dan qalet li l-impjant tal-gass inxtara u nbena skont ir-regoli kollha Ewropej.