“Ejja nkomplu niftħu l-bibien beraħ biex aktar nies jingħaqdu ma’ dan il-moviment.”
Quddiem mijiet ta’ nies li nġabru fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid il-Prim Ministru u Mexxej Laburista qal li l-bibien tal-Partit Laburista huma miftuħin beraħ biex aktar nies jingħaqdu ma’ dan il-moviment li għandu idea ċara ta’ din il-ħolma Maltija li se twassal għall-aqwa żmien ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru ta elenku ta’ lista twila ta’ wegħdi li ġew mwettqa u spjega ukoll il-viżjoni costed u fattibbli tal-Partit Laburista. Huwa appella lin-nies biex mhux biss jivvotaw għal min jafdaw l-aktar iżda jivvotaw ukoll għall-Partit li qed ipoġġi quddiem in-nies proposti fattibbli, kredibbli u proposti li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.
Differenza li diġà qed issir u għalhekk vot lil Gvern Laburista, huwa vot għall-kontinwità, għal budgets li mhux jieħdu minn għand in-nies iżda li jagħtu lin-nies. Gvern li mhux jitfa’ “proposti bl-addoċċ” u wara l-elezzjoni jagħmel mod ieħor, iżda Gvern li se jkompli jagħti filwaqt li se jkompli jdaħħal il-flus fil-kaxxa ta’ Malta mhux biss għal ġenerazzjoni preżenti iżda anke għal ulied uliedna.
Il-Mexxej Laburista appella biex in-nies li għadhom ma ġabrux il-vot, jagħmlu dan u jivvotaw għal politika li ma tużax lingwaġġ bħal dak li juża’ ħaddieħor “li jagħti daqqa ta’ ħarta” iżda għal Partit li l-lingwaġġ tiegħu huwa biss wieħed ta’ rieda tajba. Politika li mhux tbeżża’ “bħal ma għamlu qabel l-elezzjoni” iżda politika li twettaq dak li twiegħed.