Il-Prim Ministru Joseph Muscat emfasizza li l-politiċi jridu jiddiżassoċjaw ruħhom mil-lingwaġġ ta’ mibegħda li jinkiteb jew jingħad u ħeġġeġ biex dawn jiġu iżolati għax qed jagħmlu l-ħajja ta’ ħaddieħor miżerja.
B’referenza għall-qtil tad-Deputata Laburista fir-Renju Unit, waqt li kien qed jindirizza attività politika f’Santa Venera, Muscat qal li dan il-każ ma jistax jittieħed daqslikieku ma jistax iseħħ f’pajjiżna u ddeskriva l-qtil bħala wieħed ispirat mit-tixrid tal-mibegħda. Fi kliemu, ma jfissirx li min influwenzah kellu l-intenzjoni li joqtol iżda tista’ ssib lil xi ħadd li twasslu biex jagħmel xi ħaġa insenssibbli bħal din.
“Meta tiżra’ l-mibegħda llum, għada, pitgħada, fl-aħħar se ssib lil xi ħadd li ma jkunx f’sensieh u jagħmel xi ħaġa insensibbli li tixxokkja pajjiż.”
Muscat qal li l-politiċi jiġbdu saqajn xulxin u jagħtu d-daqqiet metaforiċi fuq il-punti li ma naqblux dwarhom, imma dik il-kritika qatt m’għandha tinżel f’mibegħda.
B’referenza għar-referendum li se jiddetermina l-futur tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropa, il-Prim Ministru qal li pajjiżna għamel studji f’oqsma jistgħu jiġu affettwati f’każ ta’ BREXIT, inkluż fis-servizzi finanzjarji. Il-kelliem qal li jista’ jkun hemm effetti negattivi għaliex twassal għall-inċertezza – u oħrajn pożittivi, għaliex ikun hemm servizzi li jridu jitilqu mill-Ingilterra u jibdew joperaw f’Malta.
Muscat qal li l-għada tar-referendum, jiġifieri nhar il-Ġimgħa, il-kabinet Malti jiltaqa’ biex jiddiskuti t-triq ’il quddiem li se tieħu Malta. Huwa qal li fl-aħħar ġimgħat, fil-kwiet, pajjiżna kien qed jipprerpara għal kull eventwalità biex ikun lest għal kwalunkwe sitwazzjoni.
Muscat qal li jiġri x’jiġri nhar il-Ħamis, il-vot se jkun qrib ħafna. “Il-poplu tar-Renju Unit se jkun maqsum – dan huwa messaġġ ċar lill-Unjoni Ewropea, messaġġ li n-nies qed tiddejjaq. Jeħtieġ li tiffoka fuq il-ħolqien tal-ġid u l-ħolqien tal-impjiegi u mhux regoli li jaljenaw.”
B’referenza għas-sitwazzjoni fl-Air Malta, il-Prim Ministru qal li jinteressah li din il-kumpanija tqum fuq saqajha. Hawnhekk għamel referenza għal dak li qed jissuġġerixxi l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil – jiġifieri li tkun introdotta l-Initial Public Offering, jiġifieri jinħarġu ishma għan-nies. “Huwa att kriminali li toħroġ IPO meta għandek kumpanija b’track record ta’ 15-il sena li qed titlef il-flus,” spejga Muscat.
Il-kelliem qal li Busuttil ma kienx jaf x’qed jgħid jew ingħata parir ħażin fuq asset tant importanti għal pajjiżna. “Stajna għamilna dak li qed tissuġġerixxu intom li kieku ħallejtu kumpanija fuq saqajha,” qal Muscat.
Fost oħrajn, għamel referenza għall-mod kontradittorju li qed jimxi bih Busuttil u qal li mhux jifhem ir-razzjonal fil-ħsieb tiegħu. Filwaqt li s-Sindku tar-Rabat, Samuel Azzopardi inqabad isuq fis-sakra, irrifjuta l-breathalyser, irriżenja mill-kariga tiegħu, inqatatlu s-sentenza, instab ħati, u reġa’ lura fil-kariga tiegħu, lill-Ministru Owen Bonnici, meta kellu inċident tat-traffiku, Busuttil riedu jirriżenja qabel ma beda jinstema’ l-każ.
Il-Prim Ministru qal li filwaqt li l-PN huwa kontradittorju u mingħajr policy ċara, il-poplu se jsib Gvern konsistenti, bid-difetti u l-burraxka li għadda minnha, li taf fejn qiegħed miegħu u b’moħħu mistirieħa li għandu Gvern li qed ibiddel pajjiż.
Awgura l-isbaħ xewqat lill-missirijiet kollha u sellem lil dawk li tilfu lil missirijiethom.
https://youtu.be/M5e0n8MhgLo