Il-Prim Ministru Robert Abela kompla jisħaq fuq l-importanza li wieħed jieħu d-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
F’intervista fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu, Robert Abela tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-imxija f’pajjiżna u nnota kif b’differenza għal pajjiżi oħra, Malta għandha rata baxxa ħafna ta’ nies li qed jiġu bżonn il-kura fl-isptarijiet – speċjalment fit-Taqsima għall-Kura Intensiva.
L-appell tal-Prim Ministru kien ċar; ejja nipproteġu dak li diġà ksibna.
Qal, “F’pajjiżna kellna mijiet ta’ ħajjiet li bis-saħħa tal-vaċċin ġew salvati wkoll. Issa ssaqsini wasalna? Ngħid illi nkunu wasalna jekk in-nies jibqgħu jikkonkorru għat-teħid tal-booster dose. Jiġifieri dik il-linja ta’ ħsieb li ħadna l-ewwel doża tal-vaċċin u t-tieni waħda imma nieqfu hemmekk, dak ikun żball kruċjali.”
Bl-aktar mod skjett, il-Prim Ministru żied jappella għar-responsabbiltà u saħaq li rridu nibqgħu nosservaw il-ftit restrizzjonijiet li baqa’ fis-seħħ f’pajjiżna.
Dr Abela qal li d-deċiżjonijiet kollha li ttieħdu tul l-imxija, inkluż dik riċenti b’rabta mal-ivjaġġar minn u lejn reġjuni fil-kontinent Afrikan, dejjem ittieħdu favur is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.
Spjega, “Id-deċiżjonijiet li bħala Gvern bqajna neħduhom b’mod tempestiv. Ma qgħadniex filli sejrin naħa u filli sejrin naħa oħra bid-deċiżjoni. Kellna jumejn ilu, it-teħid ta’ deċiżjoni importanti ħafna li malli feġġet il-biża’ ta’ varjant ġdid, tkellimt mad-Deputat Prim Ministru u ħadna deċiżjoni.”
Il-Prim Ministru semma diversi miżuri tal-Budget fosthom l-inċentiv biex persuni jixtru proprjetajiet li ilhom mibnija għal aktar minn għoxrin sena u vakanti iżjed minn seba’ snin u xiri ta’ proprjetajiet f’żoni ta’ konservazzjoni urbana.
Qal li fuq kollox, il-Gvern mhuwiex bħall-Oppożizzjoni, li ssejjaħ bħala daħk fil-wiċċ, l-għotja ta’ ħdax-il elf ewro li tista’ titla’ b’elf ewro oħra, favur ix-xiri ta’ vetturi li jniġġsu inqas.
Fl-intervista, il-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar is-settur b’saħħtu tax-xogħol f’pajjiżna.
Qal, “Illum għandna sa din il-ġimgħa l-persuni fuq ir-reġistru tal-qgħad huwa biss elf, mitejn u erbgħa u ħamsin. Qed nitkellmu kważi full-employment minkejja t-tbassir ta’ aktar ħamsin elf persuna qiegħda. Taf kemm kien hemm persuni qiegħda taħt Gvern Nazzjonalista? Aktar minn sitt darbiet.”
Il-Prim Ministru qal li dan kollu jixhed l-investiment b’saħħtu li Gvern Laburista qed jagħmel fis-settur tal-edukazzjoni li jridu jimxi id f’id mal-qasam tax-xogħol.
Il-Mexxej Laburista awgura lill-istudenti kollha li qed jiggradwaw f’dawn il-jiem mill-istituzzjonijiet edukattivi ta’ pajjiżna.