Għall-Milied ta’ din is-sena, il-President ta’ Malta, Dr George Vella għadda messaġġ ta’ tama u li jqawwi qalb in-nies.
Il-President saħaq kif sfidi kellna u se jibqa’ jkollna iżda kif diġà wrejna, dawn se nkunu kapaċi negħlbuhom.
Hawn semma l-pandemija u rringrazzja lill-poplu li b’sens ta’ dixxiplina u b’mod kollettiv, il-pajjiż baqa’ konformi mar-regolamenti tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
It-Tabib George Vella mbagħad qal li f’dawn l-aħħar xhur ħadna ħsieb tagħna nfusna u ta’ xulxin u dan irid jibqa’ jsir billi naċċettaw l-istedina għat-tilqim kontra l-Covid-19.
Il-President tenna, “Il-messaġġ tiegħi lilkom ilkoll huwa biex nisimgħu minn dak li jgħidulna l-esperti mediċi u nagħmlu użu sħiħ mill-vaċċini li qed jiġu rrakkomandati. F’pajjiżna għandna x-xorti kbira li l-proċess ta’ tilqim kien u għadu wieħed effiċjenti ħafna. Ejjew ma narmux din l-opportunità li flimkien niġġieldu kontra dan il-virus, u flimkien ukoll ikomplu nibnu ġejjieni, fejn is-saħħa kollettiva tagħna tibqa’ mħarsa bl-aħjar mod.”
Il-President tar-Repubblika tkellem ukoll dwar ir-relazzjonijiet bejnietna bħala poplu u qal li rridu nieħdu l-eżempju tat-tfal, li fl-innoċenza tagħhom ma jħarsux lejn ħaddieħor bi preġudizzju.
Il-President ta’ Malta hawnhekk għadda messaġġ b’saħħtu favur is-solidarjetà bejnietna u r-rispett lejn kull persuna fis-soċjetà.
Huwa saħaq, “F’dan l-isfond, nixtieq li lkoll inħarsu lejn is-Sena l-Ġdida bi spirtu iktar b’saħħtu ta’ solidarjetà u sens ta’ rispett ta’ wieħed lejn l-ieħor. Dan jgħodd għalina l-adulti li suppost inkunu ta’ eżempju għal min hu iżgħar minna, iżda li ħafna drabi naqgħu fin-nasba tal-preġudizzju u l-konfrontazzjoni personali, kliem iebes wiċċ imb’wiċċ, u aktar u aktar imġieba inaċċettabbli fuq il-midja soċjali.”
Il-President qal li t-tolleranza, il-mogħdrija u l-inklużjoni ma jinbtux jew jissaħħu jekk mhux ser naħdmu għalihom aħna u fuq kollox innibtuhom fost il-valuri bażiċi f’uliedna, permezz tal-edukazzjoni.
Bħala Kap tal-Istat, Dr Vella qal li hu wkoll se jagħti sehmu favur l-għaqda soċjali.
Qal, “Jien ukoll irrid nagħti sehemi permezz tal-ħidma tal-Presidenza u ser inkompli naħdem ma’ kull min hu lest li jagħti l-konribut tiegħu. Nittama li s-Sena l-Ġdida ser iġġib magħha inizjattivi u proġetti f’dawn il-oqsma maħsuba biex ikompli jqarbuna lejn xulxin bħala poplu, fil-ħarsien sħiħ tad-demokrazija u bit-tħaddim tal-liġijiet ta’ pajjiżna li jassigurawlna l-Istat tad-Dritt.”
Lejn tmiem il-messaġġ tiegħu tal-Milied, il-President ta’ Malta semma wkoll lill-morda u dawk li qed jieħdu kura barra minn Malta, fosthom dawk li huma mgħejjuna mill-Fondazzjoni tal-Malta Community Chest Fund, u li fl-Istrina se jinġabru fondi b’risq il-kawżi tagħhom.
Temm jgħid, “Jiena ma rridx li fil-messaġġ tiegħi tal-lum ma jissemmewx b’imħabba speċjali l-għeżież tagħna; il-morda, u li wħud minnhom jinsabu għaddejjin minn xi kura kemm Malta kif ukoll barra minn xtutna. Lil dawn inqawwilhom qalbhom u ngħidilhom jagħmlu kuraġġ…m’intomx minsijin.”