Ir-rapport ta’ Egrant ippubblikat b’mod sħiħ jixhed l-analiżi bir-reqqa li minnha rriżulta li l-firem fuq dokument li ntuża biex jingħad li Egrant kienet tal-familja tal-Prim Ministru, kienu foloz.
Paġni ta’ analiżi juru li f’sempliċiment firma kien hemm bosta aspetti li waslu għall-konklużjoni ċara li xi ħadd iffalsifikaha.
Jirriżulta li l-kopji ta’ żewġt declaration of trusts kienu l-bażi tal-allegazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia li Egrant hi ta’ Michelle Muscat. Fuq minn fejn ġew id-dokument kien hemm iktar minn verżjoni waħda u xhieda li ma qablux ma’ xulxin. Biex iċ-ċirasa fuq il-kejk imbagħad kienet il-firma falza.
Fuq dawn id-dokumenti kien hemm il-firma ta’ ċertu Jaqueline Alexander. Il-firma tagħha hi prova tal-frame up u l-frodi fil-konfront tal-Prim Ministru.
Lil din Jaqueline Alexander, il-Maġistrat Aron Bugeja sejħilha biex tixhed quddiemu u hi tat rendikont dettaljat.
Iżda, mhux biss. Alexander intalbet biex tagħti wkoll kampjun tal-firma tagħha.
“Tlabtha għaxar kampjuni biex inkun nista’ ngħaddihom għal analiżi teknika ulterjuri,” qal il-Maġistrat bil-firem jgħaddu għand ditti kbar internazzjonali.
Eventwalment kien talab ukoll iktar minn kitba minn tagħha biex ikompli l-analiżi. Iżda, r-riżultat kien dejjem l-istess.
“Ifisser li mhux biss li l-kopji tad-declaration of trusts ma kinux awtentiċi iżda wkoll li l-kontenut tagħhom ma kienx miktub jew iffirmat minn Jaqueline Alexander,” jgħid il-Maġistrat li mbagħad jgħaddi biex jispjega l-analiżi li saret.
Lil ċertu Elizabeth Briggs minn Keyforensic Services Limited, mill-Ingilterra, ingħatawla d-dokumenti u studjathom fid-dettall.
L-esperta daħlet f’dettall liema bħalu: Minn kif tinkiteb l-ittra J għall-istrutturi ta’ ittri oħra u l-mod kif inkitbu jew inġibdu ċertu linji.
Biex wara li analizzat fid-dettall dawn il-firem ikkonkludiet “li hemm evidenza b’saħħitha li l-firem fuq A u B ma kinux miktuba minn Jaqueline Alexander.”
Meta ġie biex jikkonkludi hu fuq dak li ra quddiemu, il-Maġistrat kiteb: “Id-declaration of trust depożitati fl-atti tal-inkjesta minn Pierre Portelli huma dokumenti kontrafatti b’firem li huma foloz.”
Firem foloz li għad irid ikun stabbilit min għamilhom, għalkemm li hu ċert hu li l-eks Kap tal-Oppożizzjoni għamilhom tiegħu u fuqhom bena kampanja sħiħa.