Egrant kienet u dejjem baqgħet tiegħi.
Dan sostnih Brian Tonna waqt li kien qed jixhed quddiem il-Kumitat Permanenti għall-Kontijiet Pubbliċi.
Qal, “Id-dokumentazzjoni kollha, tajtha lil media houses kollha u lill-Maġistrat Inkwirenti li wasal għall-konklużjoni li Egrant kienet u dejjem baqgħet tiegħi”
Taħt ġurament, Tonna spjega kif il-kumpanija Egrant kienet waħda minn erbgħa mixtrija mill-kumpanija tiegħu. Hawnhekk fakkar ukoll kif huwa ta lill-Maġistrat inkwirenti li mexxa l-inkjesta Egrant u kif ukoll lil midja kollha lokali d-dokumentazzjoni kollha li turi li Egrant baqgħet dejjem bħala shell company mniżżla fuq ismu.
Aquilina qallu, “Fil-25 ta’ Marzu 2013 kien ċar li Egrant ħa tkun ta’ individwu,” b’Tonna jirrispondi, “Tiegħi”
Kien hemm li Aquilina staqsa, “Int qed tgħid li Karl Cini kien se jgħid li din kien għalik?” u Tonna wieġbu, “Iva mela, b’ċertezza assoluta”
Mistoqsi għalfejn xtara erba’ kumpaniji, Tonna sostna li dawn ma kienu intenzjonati għal ħadd meta nxtraw.
Qal, “Jekk jien nixtri xi ħaġa għalik u ntihielek sentejn u nofs wara inti l-istess jekk nixtri xi ħaġa għalik u ntihielek illum? Ma kienu intenzjonati għal ħadd imma il-media ddeċidiet li kienu intenzjonati u din infiltrat kullimkien. Ma kienu intenzjonati għal ħadd”
Tonna kompla jispjega li d-dokumentazzjoni kollha turi li l-kumpanija Egrant qatt ma kienet attiva.
Qal, “Egrant kienet waħda minn dawn l-erbgħa li nxtrat bħala shelf company, baqgħet shelf company, qatt ma ġara xejn u baqgħet bħala shelf company”
Mistoqsi jekk Egrant qattx kien għand xi ħadd ieħor, taħt ġurament Tonna eskluda kompletament.
Karol Aquilina staqsa, “Dan iċ-ċertifikat meta qieħed għandek Egrant hija tiegħek, meta qiegħed għandi Egrant hija tiegħi. Inti teskludi li dan kien għand xi ħadd ieħor mhux għandek?”
Hemm Tonna rrisponda, “Neskludiha bil-ġurament. Jekk xi ħadd ma seraquliex, neskludiha bil-ġurament”