• Mill-pulizija jgħidu li aġixxew biex tkun evitata traġedja
Operazzjoni tal-pulizija ta’ Għawdex u d-Dipartiment tal-Immigrazzjoni waslet biex Eġizzjan ta’ 25 sena kien deportat lejn il-Kajr, l-Eġittu.
Fil-jiem li għaddew il-pulizija waslitilhom informazzjoni li Hussein Hamada kien qiegħed jaġixxi b’mod perikoluż ħafna f’diversi inħawi f’Għawdex fosthom f’Għajnsielem u Marsalforn. Intlemaħ isuq b’mod perikoluż ħafna, jum ieħor twaqqaf u kellu livell għoli ta’ alkoħol, weġġa’ tfajla u anke qala’ l-inkwiet f’wieħed mill-każini ta’ Għajnsielem.
Hamada ma kellu l-ebda konnessjoni ma’ Malta ħlief li kien ġie Malta għaliex missieru kien jaħdem f’pajjiżna. Missieru ma kienx ghadu jghix f’Malta u fil-fatt kellu permess ta’ residenza li ma ġġedidlux iktar.
Il-pulizija konxji tal-periklu li Hamada kien qieghed joħloq fis-soċjetà ħadet azzjoni immedjata u saru l-proċeduri biex jitkeċċa minn Malta.
Il-pulizija kienu qegħdin jinfurmaw lill-Maġistrat Joe Mifsud bl-iżviluppi fejn anke awtorizza biex passaport li kien ippreżentat fil-Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali jkun rilaxxat.
Minn informazzjoni li għandna Hussein Hamada kien deportat lejn il-Kajr ilbieraħ filgħaxija. L-istħarrig tal-pulizija tmexxa mill-Ispetturi Bernard Spiteri u Frankie Sammut.