Eġizzjan ta’ 46 sena ser jinbagħat lura pajjiżu, wara li skonta tnax-il sena ħabs.
Huwa kien weħel il-ħabs wara li nstab ħati li ttraffika aktar minn 14-il kilo ta’ droga kannabis.
Huwa kien ġie arrestat fl-2005 u kien ammetta sentejn wara.
L-Eġizzjan weħel 12-il sena u multa ta’ LM15,000.
Wara li skonta s-sentenza sħiħa, fl-2015, l-uffiċjal tal-Immigrazzjoni ddeċieda li jibgħat lill-Eġizzjan lura lejn pajjiżu.
Hawnhekk huwa fetaħ kawża quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili sabiex din id-deċiżjoni ma tidħolx fis-seħħ u argumenta kif din id-deċiżjoni ser taffettwa r-relazzjoni ma’ bintu iżda l-Imħallef Audrey Demicoli ma qabiltx ma’ dawn l-argumenti.