Efimova issa tgħid li lanqas dokumenti m’għandha.
• Tkompli tonqos il-kredibbiltà tar-Russa, jekk qatt kellha
• Manuel Delia u l-klikka ta’ Simon Busuttil jipprovaw jerġgħu jagħtuha l-ħajja
• Ħaġa waħda ċerta: Minn dak li qalu m’hemm xejn
Maria Efimova, ir-Russa li Daphne Caruana Galizia dejjem iddeskriviet bħala s-sors tagħha dwar il-kumpanija Egrant u l-allegazzjoni li din hija tal-familja tal-Prim Ministru, reġgħet irtirat biċċa oħra.
Issa qed tgħid li qatt ma kellha dokumenti.
Wara li sar magħruf li quddiem il-kumitat tal-Parlament Ewropew qalet li ma kinetx hi s-sors oriġinali ta’ Daphne Caruana Galizia, issa spiċċat tgħid li lanqas dokumenti m’għadditilha.
Dan minkejja l-impressjoni li provat tingħata għal xhur u li faċilment wieħed jirreferi għaliha f’kitbiet u diskorsi li saru.
Dwar dan il-każ, deskritt mill-Prim Ministru bħala l-ikbar gidba politika fl-istorja, Daphne Caruana Galizia qatt ma ppubblikat dokumenti. Bir-Russa, li fost oħrajn għamlet allegazzjonijiet foloz kontra l-ispettur Jonathan Ferris, issa qed tgħid li qed titkellem biss mill-memorja. Milli tiftakar qed tgħid Efimova.
Dan minkejja li Ivan Camilleri tat-Times of Malta kien qal li r-Russa li d-dokumenti għaddithom lill-kumitat tal-Parlament Ewropew.
Xi ħaġa oħra li allura rriżultat f’gidba.
Wara li ħareġ ir-rapport tal-Parlament Ewropew, li allura żied u mhux naqqas id-dubji dwar il-kredibbiltà tar-Russa, Manuel Delia qed jipprova jerġa’ jagħtiha l-ħajja. Dan biex iżomm mal-kelma tiegħu li jħalli fejn ħalliet Daphne Caruana Galizia.
L-eks impjegat ta’ Austin Gatt lil Efimova ntervistaha fuq il-blog tiegħu biex irrepetit dak li kienet qalet ma’ The Malta Independent u Daphne Caruana Galizia fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali.
Miegħu kellha terġa’ tikkonferma li mhix is-sors u issa ntqal: “Efimova confirms she has no documents from Pilatus Bank that can support her claims and is speaking solely from memory.”
B’hekk wara xhur nisimgħu lill-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, jgħid kemm hu jemmen lil din ir-Russa li għaddiet it-tagħrif u hija xhud ewlieni, issa spiċċajna biha tgħid li mhi x-xhud ewlieni xejn.
L-inkonsistenzi ta’ Efimova ġibdu l-attenzjoni ta’ karikaturisti li fil-gazzetti tal-Ħadd għamlu lilha bħala s-suġġett tagħhom. Il-karikatura tal-Maltatoday turi lil David Casa jinħasad wara li hi qalet li mhux is-sors, filwaqt li l-karikatura tal-KullĦadd turi kif żviluppaw l-affarijiet.
L-uniku konsistenza sa issa f’dan kollu kien il-Prim Ministru li wara talab inkjesta maġisterjali kien qal li jirriżenja kieku tinstab nitfa verità. Sfida li ma riedx jilqa’ Simon Busuttil meta mistoqsi jekk jirriżenjax jekk jinstab li hu gideb.