Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa u Manuel Delia, l-eks Segretarju Privat ta’ Austin Gatt, iffinanzjaw lil Maria Efimova.
Din hi r-Russa li l-inkjesta ta’ Egrant, li fiha 1,500 paġna, tgħid li għandhom jittieħdu passi kontra tagħha minħabba kalunja.
Kien ir-raġel tagħha li żvela dan. “Nixtieq nirringrazja personalment lil Mr Casa… lil Manuel Delia għax meta Maria kienet fil-ħabs u jien kont waħdi appoġġjawni. Mhux biss emozzjonalment… imma wkoll finanzjarjament,” qal ir-raġel ta’ Efimova li fis-snin li għaddew kellu wkoll każi oħra mal-ġustizzja minħabba l-gideb tagħha.
Fil-fatt, il-pubblikazzjoni tal-inkjesta Egrant b’mod sħiħ kompliet turi kemm il-verżjonijiet ta’ Efimova ma kinux kredibbli.
Saħansitra Efimova, Daphne Caruana Galizia u Pierre Portelli spiċċaw igiddbu lil xulxin hekk kif joħroġ b’mod evidenti minn mijiet ta’ paġni ta’ analiżi.
Sigħat wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, ippubblika din l-inkjesta, Maria Efimova tkellmet ma’ David Thake. Hawn Efimova reġgħet għamlet dikjarazzjonijiet li jmeru dak li diġà xehdet qabel u qalet li issa trid status ta’ whistleblower.
Għax ma nstabx dak li gidbet fuqu hi, issa Efimova qiegħda tgħid li l-inkjesta maġisterjali ma kellhiex biżżejjed riżorsi. Din kienet l-ikbar inkjesta maġisterjali fl-istorja ta’ pajjiżna bl-involviment tal-pulizija u esperti internazzjonali.
Mal-Maġistrat Maria Efimova qalet li m’għandhiex dokumenti, iżda issa qed tgħid li għandha d-dokumenti. Bl-għajnuna ta’ David Thake, li tul l-intervista beda jagħmel sforz biex ipoġġilha l-kliem f’ħalqha f’dak li deher diskors ippjanat, hi qalet li ma tatx id-dokumenti lill-Maġistrat għax ma kellhiex stat ta’ whistleblower u għalhekk beżgħet.
F’dan il-każ lill-Maġistrat id-dokumenti tahomlu Pierre Portelli u l-analiżi b’esperti internazzjonali wriet li kienu foloz.
Fl-eqqel tal-frame up Egrant, Pierre Portelli u Maria Efimova ħadmu id f’id tant li Efimova tat intervisti esklussivi lil Pierre Portelli.
Din id-darba intervistaha David Thake u attakkat kull min ma qabilx magħha.