Il-Pulizija f’Ċiprju ħarġu żewġ mandati ta’ arrest internazzjonali fil-konfront ta’ Maria Efimova li tinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja dwar l-allegazzjonijiet tagħha fuq il-kumpanija Egrant.
Rapport investigattiv fil-ġurnal Ċiprijott Cyprus Business Mail żvela li Efimova tinsab imfittxija mill-Pulizja f’Ċipru biex tiffaċċja akkużi ta’ serq minn kumpanija li kienet taħdem magħha f’Ċipru qabel ma sabet impjieg f’Malta.
Fir-rapport jingħad li Efimova li taf sew il-lingwa Griega kienet taħdem mal-kumpanija IDF Frangrance Distribution qabel telqet minn Ċipru.
Jirriżulta li erba’ snin ilu Natalia Antoniou, impjegata ma’ kumpanija tal-avukati f’Ċiprju għamlet rapport mal-pulizija kontra Efimova fil-kapaċità tagħha ta’ Direttur mal-kumpanija Fragrance Distribution.
Dan wara li allegatament, ir-Russa serqet mill-kumpanija li kienet taħdem magħha. B’reazzjoni għal dan, ir-Russa qalet li kienet sorpriża li l-pulizija Ċiprijotta kienet qed tieħu passi kontriha issa, jiġifieri erba’ snin mill-każ u allegat li dan kien qed isir b’xi kompliċità minn persuni f’Malta.
Madankollu, Antoniou qalet li r-rapport kontra r-Russa sar erba’ snin ilu fuq struzzjonijiet ta’ sid il-kumpanija u li wassal għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.
Bil-kundizzjoni tal-anonimità, kelliem għall-pulizija Ċiprijotta kkonferma li Efimova tpoġġiet fuq il-lista tal-persuni mfittxija wara li nħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali u aktar tard mandat ta’ arrest Ewropew.
Is-sors żied jgħid li r-rapport dwar ir-Russa sar erba’ snin ilu iżda l-pulizija Ċiprijotta ħadu aktar minn tliet snin biex ilestu l-investigazzjonijiet tagħhom u jassiguraw il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ Efimova u żewġha.
Dan ma kienx l-uniku każ kriminali fil-konfront tar-Russa. Huwa magħruf li r-Russa kienet tkeċċiet mill-Bank Pilatus wara li allegatament inqabdet tibbukkja btajjel għall-familja tagħha fil-Greċja u fil-Ġermanja mill-karta tal-kreditu tal-bank stess.
Hija kienet tressqet il-qorti mixlija bi frodi għad-dannu tal-bank u ta’ kumpanija tal-ivvjaġġar wara li l-Avukat tal-Bank Joe Giglio kien għamel rapport kontriha fl-għassa tal-Imsida. Hija tinsab akkużata wkoll b’rapport falz kontra uffiċjali tal-Pulizija bil-Qorti Maltija tordna li titpoġġa fil-lista ta’ persuni mftittxija b’mandat ta’ arrest wara li telqet minn Malta bla ma dehret il-Qorti biex twieġeb għal dawn l-akkużi.
Skont il-blogger Daphne Caruana Galizia, Efimova kienet is-sors tal-istejjer tagħha dwar il-każ Egrant. Madankollu fl-aħħar jiem hija qalet li ma kinitx is-sors oriġinali u l-anqas dokumenti ma kellha biex tipprova l-allegazzjonijiet tagħha.