Id-direttivi mill-awtoritajiet biex il-familji jibqgħu ġewwa inkluż il-Ħadd u l-festi pubbliċi, biex innaqqsu t-tixrid tal-imxija tal-Coronavirus, qed jiġu osservati. Dan hu konfermat minn sors mhux tas-soltu – l-istazzjonijiet sismografiċi tan-Network Siżmiku ta’ Malta, operat mid-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi tal-Università ta’ Malta. In-netwerk jinkludi seba’ sismografi diġitali state-of-the-art installati fuq Malta, Għawdex u Kemmuna. L-għan prinċipali tan-Network Siżmiku ta’ Malta huwa li tissorvelja u tevalwa terremoti lokali u reġjonali. Iżda dawn l-istrumenti sensittivi wkoll jirreġistraw kontinwament vibrazzjonijiet fl-art, li joriġinaw minn sorsi magħmula mill-bniedem bħat-traffiku u makkinarju industrijali, kif ukoll minn sorsi naturali bħar-riħ u mewġ tal-baħar.
L-istampa turi l-livell ta’ ħsejjes siżmiċi fl-isfond matul l-aħħar ftit ġimgħat, kif ġew irreġistrati fl-istazzjon siżmiku MSDA installat ġewwa l-kampus tal-Università tal-Imsida. Ta’ kuljum tista’ tiġi osservata l-varjazzjoni fil-livell ta’ ħoss bejn lejl u nhar. Huwa evidenti li matul il-ġranet tal-Ħdud u l-festi pubbliċi hemm tnaqqis qawwi fl-istorbju.. Madankollu, kif wieħed jista’ jara mil-linji ħomor u suwed, dawn is-sinjali niżlu aktar min-normal, meta l-pubbliku kien imħeġġeġ biex jibqa’ ġewwa f’dawn l-ahhar ġimgħat. Dan it-tnaqqis, ta’ madwar 20 – 25%, huwa riżultat ta’ tnaqqis sostanzjali tat-traffiku fit-Triq Reġjonali u l-bypass ta’ Birkirkara li jinsabu qrib l-istazzjon MSDA.
Osservazzjonijiet simili ġew irreġistrati madwar l-Ewropa. Thomas Lecocq, Siżmologu fl-Osservatorju Irjali fil-Belġju, skopra li l-istorbju ambjentali siżmiku naqas drastikament fi Brussell minn nofs Frar, matul iż-żmien li l-pajjiż għalaq l-iskejjel u n-negozji. Minkejja li n-nuqqas ta’ attività soċjali mhix mixtieqa mill-poplu, din tista’ tagħti l-opportunità lis-siżmologi li josservaw terremoti aktar dgħajfa li s-soltu s-sinjal tagħhom jiġi mitluf fl-istorbju kulturali.