Edwin Vassallo se joħroġ għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju li ġej. Vassallo ħabbar il-kandidatura tiegħu permezz ta’ filmat fuq Facebook.
Għomru u żmienu mal-Partit Nazzjonalista, fejn kien Segretarju Parlamentari Nazzjonalista, Deputat Parlamentari u Sindku Nazzjonalista fil-Mosta, Vassallo issa mhux se joħroġ f’isem l-istess Partit.
Fl-aħħar elezzjoni ġenerali kien kandidat Nazzjonalista u kien ikkontesta elezzjoni każwali ma’ Karol Aquilina, b’tal-aħħar jieħu s-siġġu Parlamentari.
Vassallo hu magħruf kemm kien qrib ta’ Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi. Tant li għal dan tal-aħħar kien anke mar fuq it-televiżjoni biex jipprova jġibha żewġ ma’ Franco Debono fl-eqqel tal-kriżi politika tul l-aħħar leġiżlatura ta’ GonziPN.
Edwin Vassallo kien anke kkontesta mingħajr suċċess l-elezzjoni għal Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-2017 wara li Simon Busuttil kien Kap.
Edwin Vassallo għan-nom tal-Partit Nazzjonalista vvota kontra numru ta’ drittijiet ċivili u anke kien kontra l-Liġi tal-IVF li Gvern Laburista daħħal biex aktar koppji Maltin setgħu jsiru ġenituri f’pajjiżhom stess.