Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo huwa t-tielet deputat li naqas milli jitlob skuża tal-gidba Egrant meta mitlub jagħmel dan b’mod pubbliku.
Meta kien qed jieħu sehem fuq il-Programm Kollox Bla Kulur fuq F Living, Vassallo ġie sfidat kemm mir-rappreżentant tal-Partit Laburista Sandro Craus u mis-semmiegħa permezz ta’ telefonati, sabiex jitlob skuża għal din il-kalunja fil-konfront tal-familja tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Kalunja li l-Partit Nazzjonalista għamel tiegħu:
“Jgħid li jrid jgħid, jien għandi dritt nemmnu jew ma nemmnux, bħal ma Sandro għandu dritt, jew intom temmnu jew ma temmnux, imma l-qorti għamlet il-verżjoni tagħha u l-Prim Ministru ngħidlu int responsabbli bħala Prim Ministru.”
Edwin Vassallo qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma’ kienx komdu jigverna minħabba EGRANT:
“Il-Prim Ministru ħass li kellhu jmur sena qabel ma kellu jmur għall-elezzjoni … sinjal li ma kienx komdu jibqa’ sena oħra.”
Minkejja l-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja, Vassallo prova jitfa’ dubji dwar din l-inkjesta ta’ Maġistrat li ġie maħtur minn Gvern Nazzjonalista.
“Jista’ jkun hemm il-każ li kien hemm xhieda falza, illum hemm ħafna teoriji għalfejn għaliex il-Prim Ministru, jekk irrid lil pajjiż jieħdu bis-serjetà, ma jippublikax ir-rapport.”
Aktar kmieni din il-ġimgħa kien il-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar li waqt li kien qed jieħu sehem fuq il-programm ONE Breakfast qal li l-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu Adrian Delia m’għandhomx għalfejn jiskużaw ruħhom tal-gidba fuq il-Prim Ministru bil-kampanja ta’ Egrant qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.