Edwin Vassallo ddikjara l-appoġġ tiegħu għal Chris Said fit-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Dan wara li Said wiegħed favur free vote kull fejn meħtieġ.
“Fuq suġġetti oħra etiċi u morali, nara li jkun hemm diskussjoni wiesgħa fil-partit u fil-kumitati sezzjonali u fil-fergħat kollha tal partit, imbagħad, kull fejn hemm bżonn, nagħti free vote lill-membri Parlamentari Nazzjonalisti,” qal Chris Said.
Fl-Imġarr Chris Said spjega kif hu jrid Partit Nazzjonalista li jħares il-valuri tas- soċjetà tagħna, valuri li jpoġġu lill-bniedem fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu, valuri li jirrispettaw mhux ikasbru d-dinjità tal-bniedem.
Fl-Imġarr tkellem ukoll il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Edwin Vassallo li filwaqt li ddikjara l-appoġġ tiegħu għal Chris Said saħaq li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun xhieda ħajja tal-valuri li jsaħħu s-soċjetà Maltija.
Edwin Vassallo qal li l-valuri Nsara huma importanti għal soċjetà b’saħħitha u jiżbalja l-Partit Nazzjonalista jekk iwarrab dawn il-valuri. Edwin Vassallo talab lil Chris Said biex bħala Kap tal-PN iħares dawn il-valuri li jiddistingwu l-Partit Nazzjonalista mill-Partit Laburista, bi Chris Said jiddikjara li hekk se jagħmel.