Wara li Simon Busuttil ssejjaħ il-grupp parlamentari urġenti biex jiltaqa’ llum u lbieraħ iltaqgħet it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista f’lukanda, kibret il-pressjoni fuq esponenti tal-Partit Nazzjonalista biex jieqfu jikkummentaw għax qed jagħmlu ħsara lill-Kap Nazzjonalista f’mument fejn skont huma l-elezzjoni ġejja dalwaqt.
Ilbieraħ żvelajna kif pressjoni kbira qed issir fuq id-deputat Jason Azzopardi, li fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jkun minn ta’ quddiem joħroġ jiddefendi l-Kap. Anke jekk internament ħafna jafu li Azzopardi xejn mhu kuntent. Il-messaġġ li wasallu jkun li jekk le jsib ruħu waħdu fl-ewwel każ li jerġa’ joħroġ fil-konfront tiegħu.
Iżda, kien Edwin Vassallo, Sindku tal-Mosta, l-ewwel li ċeda pubblikament u fuq facebook “skuża ruħu” għal meta qal li l-PN huwa “każin ta’ egoisti.” Minn dak li kiteb Vassallo ħareġ ċar li l-kumment ta’ skuża tiegħu segwa pressjoni interna ta’ min ħaseb li Edwin Vassallo naqas bil-kummenti tiegħu.
“L-unika impenn politiku tiegħi huwa li filwaqt li nservi lin- nies nara lil dan il partit jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss, irid b’ umilità u b ‘mod pubbliku nitlob skuża lill-istess Partit u lill dawk li jaħdmu miegħi u ħassew li jien nqasthom,” kiteb Vassallo li semma l-elezzjoni ġenerali kif qed jagħmel Simon Busuttil biex jipprova jerġa’ jiġbor l-appoġġ.
“Jien nagħmel din l-apoloġija lill-Partit tiegħi u lill-Kap b’mod pubbliku għaliex jien il-lealtà politika tiegħi tibqa’ dejjem lejn il Partit u l-kap tagħna,” kiteb Vassallo li qal li issa jippretendi li tal-ONE NEWS jirrapportawh.
Vassallo ma kienx l-uniku wieħed li fl-aħħar jiem irċieva messaġġi minn nies fid-Dar Ċentrali biex irażżan ilsienu.
Filwaqt li hemm min qed iċedi għal din il-pressjoni oħrajn iktar imtlew b’rabja u internament sostnew li Busuttil aħjar jara kif se jikseb il-kredibbiltà minflok isikket lilhom.
Il-messaġġ li rċieva Vassallo huwa dak li se jingħad illum fil-Grupp Parlamentari li se jiltaqa’ wara nofsinhar. Busuttil se jgħid lid-deputati li min irid jisfidah pubblikament, iżda l-bqija jħalluh jaħdem bil-kwiet u jiġġudikawh wara l-elezzjoni, li skont hu ġejja dalwaqt.