Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo iddikjara li se jivvota kontra l-liġi tal-ugwaljanza fiż-żwieġ.
“Ladarba din il-liġi hi kwistjoni ta’ kuxjenza jien niddikjara li se nivvota kontra. Jien nerfa’ r-responsabbiltà personali ta’ din id-deċiżjoni,” qal Edwin Vassallo li tenna li din hi għażla ta’ konvinzjoni mhux konvenjenza.
Iktar qabel id-deputat Nazzjonalista, Claudette Buttigieg, qalet li hi ma temminx li bil-liġi dwar l-ugwaljanza fiż-żwieġ se titneħħa Jum l-Omm u ddeskriviet bħala “iblah” lil min jaħseb li jista’ joħroġ b’xi idea hekk.
Din id-dikjarazzjoni ta’ Buttigieg u d-dikjarazzjoni ta’ Edwin Vassallo jkomplu juru l-qasma dwar din il-liġi fil-grupp parlamentari nazzjonalista anke jekk iddikjara li se jivvota favur il-liġi minħabba li fil-kampanja elettorali Simon Busuttil kien qal li l-Partit Nazzjonalista jaqbel ma’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess.